Lokali

Fi tliet snin inħarġu aktar minn 47,000 ikla mill-kċina ta’ Dar Papa Franġisku

Iċ-ċifri attwali dwar l-operat ta’ Dar Papa Franġisku jridu jittieħdu wkoll fil-perspettiva tal-pandamija minħabba r-restrizzjonijiet li din ġabet magħha

Fis-snin sħaħ 2018, 2019 u 2020 mill-kċina ta’ Dar Papa Franġisku nħarġu aktar minn 47,000 ikla lil persuni li ma jkollhomx fejn jitrejqu jew li ma jkollhomx flus biex imorru jieklu xi mkien.

Barra minn hekk bħalissa għalkemm f’Dar Papa Franġisku hemm disponibbli għoxrin sodda, qed jintużaw biss sittax-il sodda minnhom bħala mezz ta’ prekawzjoni fil-konfront tal-pandemija li matul is-sentejn li għaddew irrestrinġiet mhux ħażin l-operat tal-istess Dar.

Madankollu jirriżulta li ta’ kuljum qed ikun hemm medja ta’ tlettax-il persuna li qed jużaw il-faċilitajiet ta’ Dar Papa Franġisku għal skop ta’ rqad għaliex l-istess persuni ma jkollhomx saqaf fuq rashom fejn jistgħu jistkennu.

Għal dawn il-persuni bla dar, il-faċilitajiet ta’ Dar Papa Franġisku huma l-unika alternattiva għalihom milli jorqdu barra taħt xi siġra, fuq xi bank f’xi ġnien jew fuq xi għatba ta’ ħanut fuq ftit kartun.

Mill-informazzjoni li kiseb In-Nazzjon jirriżulta li l-klijenti ta’ Dar Papa Franġisku huma mħallta, iżda jirriżulta li sittin fil-mija huma ta’ nazzjonalità barranija filwaqt li erbgħin fil-mija ta’ dawk li jużaw il-faċilitajiet ta’ Dar Papa Franġisku huma Maltin. In-nazzjonalitajiet barranin huma varji, għalkemm l-akbar ammont huma mill-kontinent Afrikan.

Jirriżulta li l-akbar raġunijiet li qed iwasslu għal dan it-tip ta’ faqar f’pajjiżna huma l-immigrazzjoni fejn immigranti mhumiex isibu l-appoġġ li jkollhom bżonn mill-istituzzjonijiet governattivi, persuni b’ċerti vizzji li ma jkollhomx aktar kontroll fuqhom, persuni b’mard mentali u persuni li jispiċċaw miġġielda u forsi abbandunati mill-familji rispettivi tagħhom.

Mill-istatistika li kiseb In-Nazzjon, u li turi kif il-faqar f’pajjiżna qed jilħaq livelli mill-aktar preokkupanti, jirriżulta li fl-2018 mill-kċina ta’ Dar Papa Franġisku nħarġu 13,360 ikla; fl-2019 inħarġu 15,107 ikla; u fl-2020 inħarġu 18,591 ikla… għal total ta’ aktar minn 47,000 ikla.

Ta’ min jgħid li rwol importanti ħafna fix-xogħol li tagħmel Dar Papa Franġisku ġej minn The Alfred Mizzi Foundation, li jipprovdu ikel tajjeb u sustanzjuż kuljum bla ħlas ta’ xejn.

Sadanittant, ftit jiem ilu, f’għeluq il-ħames snin mit-twaqqif ta’ Dar Papa Franġisku, il-Fondazzjoni Dar il-Hena organizzat konferenza stampa fejn kien preżentat ir-Rapport ta’ Ħidma għas-snin 2017 sa 2020.

Għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kienu preżenti l-Ministru Michael Falzon; Anthony Gatt li hu d-Direttur ta’ Caritas Malta; Julian Sammut, iċ-Chairperson The Alfred Mizzi Foundation, u Roberta Gellel, il-Kap ta’ Reach Residential Home.

Ir-Rapport ta’ Ħidma juri kif 2,111-il persuna, b’mod individwali, għamlu użu mis-servizz tal-ikel provdut minn Fondazzjoni Dar il-Hena fuq medda ta’ erba’ snin. L-età medja tal-individwi li rrikorrew għall-għajnuna, kienet dik ta’ 39 sena.

Dawn l-individwi kienu riferuti għas-servizz tal-ikel li jingħata minn Dar Papa Franġisku minn aġenziji diversi, fosthom l-Aġenzija Appoġġ.

Il-Fondazzjoni, li fi ħdanha għandha żewġ xelters ta’ emerġenza, Dar Papa Franġisku u Dar Maria Dolores, it-tnejn immexxija minn Caritas, u xelter li jilqa’ fih kemm individwi u kif ukoll familji għal perjodi itwal ta’ żmien, Reach Residential Home, tat l-għajnuna lill-1,126 individwu fuq perjodu ta’ erba’ snin, inklużi tfal u familji.

Dawn l-individwi ġew referuti għas-servizzi tal-Fondazzjoni minn aġenziji lokali bħalma hi l-Aġenzija Appoġġ u minn Caritas Malta fost oħrajn.

Fost dawn l-individwi kien hemm 30 fil-mija li waqfu jużaw is-servizzi tal-Fondazzjoni, 13 fil-mija li rnexxielhom jikru, 11 fil-mija li mxew għal akkomodazzjoni f’xelters oħrajn, disgħa fil-mija li marru lura għand il-familja tagħhom jew ħbieb, tlieta fil-mija li marru lura f’pajjiżhom, u tnejn fil-mija li bbenefikaw minn skemi tal-Awtorità tad-Djar.

Anthony Gatt semma kif dan il-mudell uniku bejn il-Gvern ta’ Malta, il-privat The Alfred Mizzi Foundation u Caritas Malta kien esperjenza ta’ suċċess hekk kif il-Fondazzjoni laqgħet nies li qegħdin f’sitwazzjoni prekarja ħafna.

Julian Sammut stqarr li dawn il-ħames snin ta’ ħidma kienu ta’sodisfazzjon għaliex sar ħafna ġid. Hu żied li wara n-numri msemmijin hemm nies fil-bżonn li jsofru wkoll mis-solitudni.

Michael Falzon għaraf li jekk hemm il-bżonn ta’ servizzi bħal dawn tajjeb li nkunu konxji tagħhom.