Lokali

Ikkonfiskati madwar 300 għasfur tal-għana

Aktar kmieni dan ix-xahar, il-Pulizija ta’ Għawdex u uffiċjali mit-Taqsimatar-Regolamentazzjonigħall-Għasafar Selvaġġi (Wild Birds Regulation Unit, WBRU) ikkonfiskaw madwar 300 għasfur tal-għana minn proprjetà f’Għawdex wara li dawn possibbilment iddaħħlu bil-kuntrabandu fil-pajjiż mill-Italja biex jintużaw bħala decoys għall-insib illegali tal-għasafar.

Wara li probabbilment inqabdu illegalment fl-Italja, dawn l-għasafar kienu destinati li jinbiegħu fost in-nassaba lokali u minn pet shops differenti. L-għasafar ikkonfiskati jinkludu ħames speċi differenti: Apparell, Gardell, Verdun, Ġojjin u Sponsun, li l-parti l-kbira tagħhom kienu frieħ, miżmumin f’kundizzjonijiet ħżiena ħafna, magħluqin f’gabjetti żgħar ħafna. L-għasafar kollha ġew mgħoddija f’idejn BirdLife Malta biex jiġu riabilitati, irringjati u jinħelsu lura fis-selvaġġ, wara li l-veterinarji rawhom u taw il-kunsens tagħhom.

Din il-qabda ssegwi stedina mid-WBRU stess lin-nassaba biex japplikaw għal staġun ieħor taħt l-hekk imsejħa ‘deroga għar-riċerka’ dwar l-għasafar tal-għana – deroga li diġà ħareġ ċar li hija paraventu biex ikun jista’ jkompli l-insib illegali tal-għasafar tal-għana, u li hija wkoll is-suġġett ta’ Proċedura ta’ Ksur li fetħet il-Kummissjoni Ewropea kontra Malta. Il-Kumitat ORNIS mistenni jieħu deċiżjoni formali dwar id-deroga għal din is-sena fit-13 ta’ Ottubru.

L-insib ta’ għasafar bħal dawn joħloq domanda kbira għal għasafar biex jintużaw bħala decoys (jiġifieri biex jattiraw għasafar oħra bħalhom lejn l-imnasab) u n-netwerks ta’ traffikanti illegali tal-għasafar li jeżistu bejn l-Italja u Malta qed iwieġbu għad-domanda li qed toħloq id-deroga stess.