Internazzjonali

Il-kontinent tal-Ewropa jindirizza kriżi fl-enerġija li għadha qed tiżviluppa

Numru ta’ pajjiżi fl-Ewropa qegħdin idaħħlu dejjem aktar miżuri biex kemm jista’ ikun jipproteġu lill-familji u l-konsumaturi mill-effetti tal-kriżi tal-enerġija li qed tolqot lill-kontinent bħalissa…. Sitwazzjoni li hi affettwata mit-tnaqqis fl-esportazzjoni tal-gass lejn l-Ewropa minn pajjiżi bħar-Russja.

Il-Gvernijiet madwar l-Ewropa fost oħrajn qed janalizzaw il-kriżi partikulari relatata mal-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-gass u fejn, numru ta’ pajjiżi qed jintroduċu skemi u miżuri biex itaffu l-piż tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija għan-negozji u b’mod partikulari ghall-familji li qegħdin jippruvaw ilaħħqu mal-ħajja.

Fir-Renju Unit, il-konsumaturi u l-kumpaniji tal-enerġija qed jintlaqtu minn sitwazzjoni allarmanti li qed tħalli effetti inevitabbli għall-industrija.

F’dan il-pajjiż bhalissa hemm nuqqas ta’sewwieqa  biex iwasslu l-fuel iġġenerat mir-raffineriji meta l-stazzjonijiet tal-petrol tal-kumpaniji BP u Tesco Alliance mhumiex jipprovdu s-soltu servizzi.

Il-Gvern ta’ Spanja, minn naha tieghu, qed jaħseb biex jindirizza l-problemi tal-kontijiet. Il-prezzijiet tal-enerġija fi Spanja huma konnessi mill-qrib mas-suq tal-gass li jinbiegħ bl-ingrossa u għaldaqstant il-prezz għall-konsumatur għal kull megawatt hour laħaq livell straordinarju fl-aħħar ġimgħat. Aktar kmieni dan ix-xahar, il-Gvern ta’ koalizzjoni fi Spanja introduċa sensiela ta’ miżuri għat-tnaqqis tal-kontijiet tad-dawl u li jinkludu qtugħ fit-taxxa u tnaqqis fil-qligħ straordinarju għall-kumpaniji tal-enerġija.

Anke l-Italja hi partikularment esposta għal żidiet fil-prezzijiet tal-gass, meta mal-40 fil-mija tal-enerġija tagħha ġejja mill-gass naturali …. li nofsu hu importat mir-Russja. Għaldaqstant,  it-tnaqqis fl-esportazzjoni tal-gass lejn l-Ewropa u ż-żieda fil-prezz tal-materja prima laqtu ħażin lill-Italja, fejn il-Gvern diġà nefaq mal-1.2 biljun ewro biex itaffi miż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija għall-familji. Dan meta l-Gvern Taljan, issa, qed jiddedika mat-3 biljun ewro biex jghin lill-familji u lin-negozji.

L-istess fil-Polonja …fejn il-konsumaturi lokali huma protetti ‘minn splużjoni’ fil-prezzijiet tas-suq.