Internazzjonali

Il-Korea ta’ Fuq qed tindika li lesta biex ittemm il-gwerra f’każ li jissodisfawlha l-kundizzjonijiet

Il-Korea ta’ Fuq qed tidher disposta li ‘tasal nofs triq’ wara li l-President tal-Korea t’Isfel, Moon Jae-in, din il-ġimgħa sejjaħ biex l-Istati Korej rivali u l-alleati tal-pajjiżi rispettivi jiddikjaraw tmiem formali għall-konflitt tal-ħamsinijiet u jaħdmu flimkien għall-paċi fil-Penisola Koreana.

Sadanittant, Kim Yo-jong, li hi oħt il-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq Kim Jong-un u li hi t-tieni l-aktar persuna influwenti fl-Istat komunista qalet li pajjiżha hu lest biex ikompli bid-djalogu mal-Korea t’Isfel, ‘dment li l-Gvern f’Seoul itemm il-politika ostili fil-konfront ta’ Pyongyang’.

Kim Yo-jong qalet dan bi tweġiba għas-sejħa tal-Korea t’Isfel biex il-pajjiżi jtemmu l-Gwerra Koreana darba għal dejjem – u b’mod uffiċjali.

Il-konflitt tal-Korea, li kien qasam il-penisola fi tnejn, kien beda fl-1950 u  kkonkluda fl-1953 b’armistizju u l-ebda ffirmar ta’ trattat għall-paċi bejn l-Istati avversarji.

Fil-fatt, il-Korej ilhom, teknikament, minn dak iż-żmien fi stat ta’ gwerra u fejn tul is-snin spikkaw sitwazzjonijiet ta’ tensjoni u anki numru ta’ konfronti bejn  il-qawwiet tal-baħar rivali qalb iz-zoni tal-Baħar l-Isfar.

Intant, l-appell minn Seoul għal ‘paċi formali’ qed tinteressa wkoll lill-alleati rispettivi tal-Korej – fosthom l-Istati Uniti li qed tappoġġja lill-Korea t’Isfel u ċ-Ċina, li hi l-akbar sieħba ekonomika tal-Korea komunista.

U waqt li l-idea għall-paċi formali fil-penisola, għall-bidu, ma ntlaqgħetx daqstant tajjeb mill-ogħla uffiċjali ta’ Pyongyang, Kim Yo-jong, b’sorpiża, ħarġet stqarrija – ċirkulata mill-media tal-Istat – fejn qalet li ‘wieħed għandu għalfejn jimmira l-inizjattiva’.

Madankollu, hi għamlitha ċara li l-Korea komunista għandha tkun lesta biss li tiddiskuti l-proposta f’każ li l-Korea t’Isfel ‘ma turix aktar ostilità u l-aggressività fil-konfront tal-Korea ta’ Fuq’.

L-istqarrija tagħha sejħet ‘biex l-avversarji tal-Korea ta’ Fuq iwarrbu għall-atteġġjamenti neqsin mis-sinċerità u li jirriflettu preġudizzji illoġiċi’.  Kim Yo-jong akkużat ukoll lill-Korea t’Isfel ‘talli qed tipprova tiġġustifika ċerti azzjonijiet anki waqt li tikkundanna l-impenji xierqa tal-Korea ta’ Fuq biex isaħħaħ il-mezzi tad-difiża tagħha’.