Lokali

“Ix-xandir tal-istat imdawwar f’magna ta’ propoganda Laburista” – PN

Iktar ma jgħaddi ż-żmien iktar qed joħroġ fid-deher kemm ix- Xandir tal-Istat qed jinħakem dejjem iżjed minn Robert Abela u min-nies tal-qalba tiegħu.

Dan kien il-messaġġ li wassal il-Partit Nazzjonalista f’konferenza tal-aħbarijiet inidirizzata mill-Viċi Kap David Agius u mill-Kandidata għall-Elezzjoni Ġenerali Alessia Psaila Zammit.

David Agius qal li d-data li qed jiġbor il-Partit Nazzjonalista qed tkompli tikkonferma kemm ix-xandir tan-nies qed ikompli jinħakem mi-Labour u minn Robert Abela. Quddiem dan kollu l-Partit Nazzjonalista huwa mħasseb li min-naħa hemm Xandir tal-Istat maħkum mil-Labour u fuq in-naħa l-oħra hemm l-Awtorità tax-Xandir li suppost qed tieħu passi f’dan ir-rigward. Iżda minkejja li diġà għaddew diversi jiem, għadhom ma ttieħdu ebda passi.

Il-Viċi Kap tal-PN sostna li fl-aħabarijiet tal-PBS il-maġġoranza netta tal-filmati qed ikunu dwar il-Prim Minsitru Robert Abela u l-Ministru Miriam Dalli, warajhom hemm Ian Borg u Byron Camilleri. Dan kollu juri li anke bejn il-Ministri tal-Labour hemm strateġija.

Huwa żied jgħid li l-ewwel 8 minuti tal-bulettin tal-aħbarijiet jiġu allokati għall-Prim Minsitru u l-Ministri tiegħu. Turija ċara ta’ żbilanċ favur il-Partit Laburista… għall-Gvern 109, għall-Oppożizzjoni xejn.

“Quddiem dan kollu l-Partit Nazzjonalista se jkun qed jaħdem sabiex dan l-iżbilanċ jieqaf… għax anke hawn irridu nkunu l-bidla.”

Min-naħa tagħha l-Kandidata Alessia Psaila Zammit qalet li fl-aħħar sebat ijiem il- Gvern ingħata dejjem iktar minn 30 fil-mija ħin tal-aħbarijiet, mentri l-Oppożizzjoni ngħatat inqas minn 15 fil mija.

Hija saħqet li bħala ċittadini għandu jkollna dritt għall-informazzjoni kollha mingħajr ebda indħil. Għalhekk kulħadd għandu jkollu aċċess għall-informazzjoni mingħajr ma x-Xandir tal-Istat jiddetta hu x’informazzjoni tasal għand il-pubbliku.

Alessia Psaila Zammit qalet li din il-propogandi politika fuq l-istazzjoni nazzjonali qed issir mill-flus tagħna wkoll u qed jiġu imminati d-drittijiet bażici f’soċjetà demokratika.

Hija sosstniet li l-Oppożizzjoni se tibqa’ taħdem sabiex il-PBS ikun imparzjali, fejn il-Partit Nazzjonalista huwa determinat li jieħu kull azzjoni neċessarju li tissalvagwardja d dritt tad-demorazija u l-PBS ikun stazzjon nazzjonali li jirrappreżenta informazzjoni libera.

Il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern jaċċerta li jiġu mwettqa wkoll l-proposti fir-rapport tal-Bord tal-Inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, inkluż li jkun hemm bord ta’ esperti li jagħmel rakkomandazzjonijiet sabiex jissaħħaħ l-ġurnaliżmu u l-media f’pajjiżna. Żgur li l-indħil politiku fil-PBS mhumiex it-triq sabiex tissaħħaħ l-media, l-ġurnaliżmu, d-demokrazija u d-drittijiet ta’ kull wieħed u waħda minnha.

Tħabbar ukoll li l-Partit Nazzjonalista waqqaf tim legali sabiex janalizza u jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar dan id-dritt fundamentali tagħna biex anke jħabbar proposti bħala parti minn din l-kampanja fil-ġimgħat li ġejjin.