Internazzjonali

L-Afganistan se jirritorna għall-esekuzzjonijiet u pieni brutali taħt it-Taliban

L-eks kap tal-pulizija reliġjuża tat-Taliban qal li r-reġim Iżlamiku f’Kabul se jerġa’ jibda politika ‘estrema’ fl-Afganistan li tippermetti l-esekuzzjonijiet tan-nies flimkien mal-‘qtugħ tal-idejn u r-riġlejn ta’ persuni kkundannati dwar reati’.

Mullah Nooruddin Turabi, li issa hu responsabbli mill-ħabsijiet f’dan il-pajjiż, qal li l-pieni estremi huma neċessarji ‘għas-sigurtà’, iżda x’aktarx li dawn mhumiex se jingħataw fil-pubbliku bħal waqt l-ewwel perjodu tat-tmexxija mit-Taliban, fis-snin disgħin. Turabi, fl-istess ħin, insista li ‘ħadd ma jista’ jiddetta’ lit-Talibani dwar kif għandhom imexxu pajjiżhom.

Mindu ħadu l-poter fl-Afganistan fil-15 ta’ Awwissu, it-Talibani wiegħdu stil ta’ gvern ‘anqas riġidu ( u brutali)’ minn tas-snin disgħin, iżda fl-aħħar jiem spikkaw xorta r-rapporti dwar abbużi tad-drittijiet umani madwar il-pajjiż.