Futbol Sport

L-ewwel punt għal Marsaxlokk u Rabat

MARSAXLOKK…………… 1

RABAT A. …………………. 1

Marsaxlokk: F. Tabone, J. Cruz Gill, C. Cutajar, C. Camilleri, X. Cappellino, W. Serrano, P. Xuereb, R. Tonna, E. Vella, P.P. Sammut, D. Azzopardi

Rabat A: J.M. Vella, E. Lekaj, M. Cassar, B. Micallef, L. Vella, G. Otero, A.M. Bustos, K. Muscat, A. Smeir, S. Abela, Z. Tanti.

Referee: Slawomir Olucha

Marsaxlokk u Rabat temmew fi draw ta’ 1-1 b’gowls fit-tieni taqsima, biex b’hekk kisbu l-ewwel punt u l-ewwel gowls tagħhom tal-istaġun.

Kient logħba monotona fl-ewwel taqsima logħba li iżda kienet ferm aħjar fit-tieni parti, iżda r-riżultat ta’ draw kien l-iktar wieħed ġust.

L-ewwel taqsima ftit kellha spunti denji ta’ nota fejn kien evidenti li ż-żewġ naħat għandhom problemi fl-attakk. Il-logħob kien għal ħinijiet twal f’nofs il-grawnd biż-żewġ naħat iwettqu diversi passes ħżiena.

Wara kwarta logħob kien hemm xutt ta’ Cappellino minn agħda angolata iżda l-goalkeeper Rabti salva tajjeb. Fit-23 minuta freekick għar-rabtin bil-konklużjoni ta’ Poncet Otero tgħaddi ftit barra. Fl-aħħar azzjoni tal-ewwel taqsima daqqa ta’ ras  ta’ Cappellino salvata b’difikulta mill-goalkeeper ta’ Rabat Vella megħjun mil-lasta, bix-Xlukkajri jgħidu li l-ballun kien anki qabeż il-linja.

Ħames minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima Marsaxlokk fetħu l-iskor meta minn azzjoni ta’ korner kien hemm diversi daqqiet ta’ ras u salvataġġi minn fuq il-linja mir-Rabtin biex finalment kien Jeremy Delmar li kompla l-ballun għal ġewwa.

Marsaxlokk bdew issa jsibu iktar spazju iżda Rabat kisbu l-gowl tad-dro fit-80 minuta meta daqqa ta’ ras ta’ Bustos dehret taħbat ma’ id Serrano bir-referee jordna l-penalty u juri t-tieni karta safra lil Serrano. Mill-11-il metru kien Larens Vella li spara fix-xibka.

L-aħħar minuti kienu forsi l-iktar emozzjonanti biż-żewġ naħat ifittxu l-gowl tar-rebħa, gowl li baqa’ ma wasalx.

Tnejn minn tnejn għal Qrendi

QRENDI …………………….. 3

MĠARR U. ………………… 1

Qrendi: J. Vella, L. Martinelli, S. Schembri, G. Bugeja, M. Gatt, I. Zammit, B. Sammut, J. Ogunnupe, A. Agius, C. Escobar, S. Perdomo.

Mġarr U: T. Gauci, G. Milone, J. Davies, A. Sammut, I. Galea, K. Pulo, C. Saliba, M. Atard, J. Oghenekewaro, J.L. Micallef, G. Achaval.

Referee: Philip Farrugia

Grazzi għal doppjetta ta’ Ogunnupe fit-tieni taqsima Qrendi għelbu lil Mġarr biex b’hekk kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva f’logħba ferm bilanċjata fejn Mġarr taw daqs kemm qalgħu iżda kienu xi ftit fjakki fl-attakk bl-azzjonijiet tagħhom ifallu fl-aħħar pass quddiem il-lasta.

Bidu tajjeb ta’ Qrendi li fl-ewwel azzjoni wara tliet minuti fetħu l-iskor b’daqqa ta’ ras mill-viċin ta’ Dasser Sammut tegħleb għal kollox lil Gauci. Iżda r-risposta ta’ Mġarr kienet immedjata u effettiva waslet erba’ minuti wara meta Micallef għadda fuq il-lemin u qassam lejn Achaval li b’xutt fil-baxx sab ix-xibka.

Fit-33 minuta azzjoni tajba ta’ Qrendi u xutt ta’ Sammut salvat minn Gauci u tmien minuti wara azzjoni veloċi ta’ Ogunnupe bix-xutt tiegħu jaħbat man-naħa ta’ barra tax-xibka.

Kif seħħ fl-ewwel taqsima anki fit-tieni waħda bidu qawwi minn Qrendi li fil-50 minuta marru minn fuq meta freekick ta’ Perdomo ħabat mal-lasta u mir-rebound Ogunnupe xeħet fix-xibka. Ħdax-il minuta mit-tmiem kuntatt fil-kaxxa bejn Milone u Ogunnupe, bir-referee jordna l-penalty bl-istess Ogunnupe jiskorja b’xutt preċiż fil-baxx.