Internazzjonali

Pressjoni minnn Spanja biex Puigdemont jgħaddi ġuri f’pajjiżu

Carles Puigdemont,

Il-Gvern Spanjol qed jinsisti biex issir ġustizzja ma’ politiku eżiljat li kien xpruna l-moviment u l-vot għall-indipendenza ta’ Katalonja mill-kumplament ta’ Spanja. Dan wara li Carles Puigdemont, ex-president tar-reġjun ta’ Katalonja, spiċċa arrestat fil-gżira ta’ Sardinja, fl-Italja, fejn jinżamm fuq mandat ta’arrest maħruġ minn Spanja.

Fl-aħħar sigħat, il-mexxejja politiċi Katalani u d-dimostranti f’Barċellona kienu qed isejħu biex Carles Puigdemont jingħata l-libertà mill-aktar fis.

Puigdemont  kien ħarab lejn il-Belġju wara r-referendum tal-2017 għall-indipendenza ta’ Katalonja u li kien oppona bis-sħiħ għaliha l-Gvern ta’ dak iż-żmien f’Madrid. Hu, imbagħad kien sar membru tal-Parlament Ewropew.

L-arrest ta’ Puigdemont seħħ nhar il-Ħamis mill-pulizija li kienu qed jistennewh fl-ajruport ta’ Alghero, f’Sardinja, u fejn imbagħad ħaduh dritt lejn il-ħabs ta’ Sassari fil-viċinanzi. Dan wara li Puigdemont kien mar f’Sardinja bil-għan li jattendi festival tal-folklor organizzat fuq stil Katalan.

Filwaqt li Spanja qed takkuża lil Puigdemont dwar azzjonijiet intiżi biex jiddistabbilizzaw lill-Istat, l-avukati tiegħu qed jinsistu li mgħadux validu  l-mandat ta’ arrest għal Puigdemont li kien jgħodd għall-Ewropa kollha. Madankollu, il-Prim Ministru Spanjol, Pedro Sanchez, qed jinsisti biex  Carles Puigdemont jitressaq għall-ġustizzja u jkun suġġett għal proċess tal-qorti f’pajjiżu…. Issa, iridu jkunu l-Qrati Taljani li jiddeciedu fuq l-estradizzjoni ta’ Puigdemont lejn Spanja.