Lokali

Skont il-Ministri, in-nies “qed ilaħħqu mal-ħajja”

Jinjoraw ir-realtajiet tal-familji u jgħidu li huma "kuntenti"

Għall-Ministri Michael Farrugia u Michael Falzon l-għoli tal-ħajja mhux jinħass … u li l-poplu huwa kuntent.

Affaċjat bid-domandi ta’ Net News, il-Ministru tal-Anzjani qalilna li l-poplu mhux iħoss l-impatt tal-għoli tal-ħajja…

Il-persuni minkejja kwalunkwe ċaqlieq li jkun hemm, qed ilaħħqu mal-ħajja”

Min-naħa tiegħu l-Ministru tal-Ġustizzja Soċjali meta mistoqsi dwar l-għoli tal-ħajja… qalilna li l-poplu jinsab kuntent.

“In-nies ikellmuk fuq kollox, u l-istatistika kolla turi kemm pajjiżna u l-poplu Malti huwa poplu kuntent”

Meta mistoqsi minn dan l-istazzjon, il-Ministru Michael Farrugia prova anke jbiddel ir-realta’ tal-faqar f’pajjiżna.

“L-istatistika turi b’mod ċar li l-faqar naqas f’pajjiżna”

Il-verita hi…li l-istatistika tal-NSO tindika b’mod car li persuna minn kull ħamsa tinsab f’riskju tal-faqar jew l-eklużjoni soċjali. Filwaqt li statistika mill-EU-SILC dwar is-sena 2020 uriet li aktar minn 80,000 persuna f’Malta ma jistgħux jaffordjaw spejjeż li ma jkunux pjanati – tant illi l-Alleanza kontra l-Faqar fl-aħħar jiem kompliet titfa’ dawl fuq l-isfida li qed iħabbtu wiċċhom magħha anki dawk il-persuni għandhom impjieg.

Meta saqsejna lill-Ministru Falzon jekk il-Kabinett hux qed jieħu dawn is-sitwazzjonijiet bis-serjetà, hu deher skomdu ferm biex wieġeb.

Naħseb taf ukoll li dawk li huma materji tal-kabinett ma joħorġux”

Stħarriġ tal-MISCO fl-aħħar jiem indika li 86% tan-nies sostnew illi fl-aħħar 3 snin il-ħajja għolitilhom. U 1% biss qalu li l-ħajja raħset. Dan filwaqt li meta ġew mistoqsija x’inhi l-problema ewlenija li qed iħabbtu wiċċhom magħha bħalissa, 26% qalu li l-akbar sfida li qed isibu hija dik tal-għoli tal-ħajja.