Internazzjonali

Stati Uniti: L-eks pulizija li qatel lil George Floyd jappella mis-sentenza

L-eks ufficjal tal-Pulizija, Derek Chauvin li spiċċa kkundannat dwar il-qtil, f’Minneapolis, ta’ raġel Afrikan-Amerikan se jkun qed jappella mis-sentenza ta’ 22 sena ħabs li hu kien weħel għall-omiċidju.

Il-vittma, George Floyd, kien tilef ħajtu f’Mejju tas-sena li ghaddiet – bl-assassinju iwassal għal protesti kbar f’diversi bliet Amerikani wara li ċċirkulaw il-filmati ta’ Chauvin waqt li kien qed jagħfas irkobbtu fuq l-għonq ta’ Floyd ( li kien spiċċa mal-art) għal talanqas disa’ minuti.

Derek Chauvin issa qed jirreferi għal kwistjonijiet ‘li ma kellhom qatt isiru’ waqt il-ġuri u qed jipprotesta wkoll li l-proċess tal-qorti tiegħu ma messu sar qatt f’Minneapolis (fl-Istat ta’ Minnesota).

Il-qtil ta’ George Floyd jibqa’ speċjalment sinifikanti għaliex kellu jixpruna xhur ta’ protesti tal-massa kontra r-razziżmu kif ukoll kontra l-brutalità tal-pulizija fil-konfront tas-suwed u l-membri tal-komunitajiet etniċi fl-Istati Uniti.