Lokali Qorti

Stqarrija waħda biss minn sebgħa se tinstema’ f’ġuri dwar qtil makabru fl-2005

Il-Qorti tal-Appell Kriminali ddikjarat li stqarrija waħda biss minn sebgħa tista’ tinstema’ ta’ wieħed miż-żewġt irġiel akkużati bil-qtil makabru ta’ Simon Grech magħruf bħala Sion aktar minn 16-il sena ilu. Għaldaqstant ħafna mit-talbiet tal-Avukat Ġenerali ma kienux milqugħa mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Edwina Grima u Giovanni Grixti.

Ismael Habesh mil-Libja u Faical Mahouachi mit-Tuneżija jinsabu mixlija li qatlu lil Grech meta kien għad biss kellu 20 sena fil-Marsa f’April tal-2005 u li għadhom jistennew li jgħaddu ġuri dwar dan il-qtil. L-għajbien ta’ Grech kien irrappurtat fil-5 ta’ April bil-katavru tat-tfajla jinstab f’għalqa fit-13 ta’ April fil-Marsa.

Mill-awtopsja ħareġ li l-vittma kienet inqatlet bi 17-il daqqa ta’ sikkina. L-omiċidju seħħ meta l-vittma allegatament kienet qed titlajja għal skopijiet ta’ prostituzzjoni, u ġiet avviċinata mit-Tuneżini. Fil-Qorti tal-Maġistrat kien ħareġ li Habesh kellu relazzjoni mal-vittma, u dakinhar qabad jargumenta magħha u aggrediha.

L-akkużat l-ieħor kien fil-karozza, u allegatament ħareġ jassisti lil sieħbu. It-tnejn huma akkużati li ġarrew lil Grech f’għalqa, u tawha 17-il daqqa ta’ sikkina. Minbarra l-qtil huma jinsabu akkuzati li kellhom fil-pussess tagħhom arma u li taqa’ u bil-ponta mingħajr permess, u Habesh waħdu jinsab mixli wkoll li kellu Ford Escort misruqa.

Meta ġew biex jinstemgħu l-punti legali qabel jibda’ jinstema’ l-ġuri, Habesh ilmenta mal-Qorti Kriminali li meta ġie interrogat mill-Pulizija ma kienx assistit minn avukat. Il-Qorti Kriminali laqgħetlu l-argument, bl-Avukat Ġenerali jappella mid-deċiżjoni.

Il-Qorti tal-appell iżda prattikament ma’ laqgħetx it-talbiet kollha tal-Avukat Ġenerali, fosthom peress li ma kienx ingħata id-dritt li jkellem avukat waqt l-interogazzjoni u dan peress li dan id-dritt kien għadu ma daħalx. Sadanittant l-istqarrijiet ittieħdu meta l-vittma kienet għadha nieqsa u ma kienx mgħarraf li qed jiġi investigat dwar il-qtil kif seħħ qabel l-aħħar stqarrija. L-Appell qal li quddiem il-ġurati se tinstema’ biss l-aħħar stqarrija li tahom fl-2013 u mhux li tahom bejn l-2005 u l-2009.

F’waħda mis-seduti tal-kumpilazzjoni lura fis-snin kienu ddominaw l-emozzjonijiet tal-qraba ta’ Grech. Kif waħda minnhom intebħet li fuq mejda kien hemm ir-ritratti ta’ Grech mejjet. F’dan il-mument kienet talbet lill-Maġistrat Carol Peralta biex titkellem.

Mix-xhieda li kien ta s-Supretendent Carmel Bartolo rriżulta li fil-lejl li fih Simon Grech, għeb, kellu argument ma’ klijent minn tiegħu. Jidher li dan seħħ wara li Grech ipprova jisraq il-mobile tiegħu. Kien xehed ukoll li kien fatt magħruf li Grech kellu problema ta’ droga u kien jiffrekwentaha ż-żona tal-Marsa għall-prostituzzjoni bħala transvestit.

Bartolo spjega kif meta bħala parti mill-investigazzjoni sejjaħ lil Ismael Habesh sab li dan kellu tliet feriti. Jidher li dawn kienu riżultat ta’ aċċident waqt li kien qiegħed isewwi l-karozza, ġlieda mal-mara u argument ma’ Grech.
Hawn Habesh spjega kif fil-5 ta’ April kien id-dar meta Simon ċempillu għall-għajnuna wara li allegatament Grech kellu argument ma’ klijent. Qal li fil-Marsa ltaqa’ ma’ Grech u ċempel Taxi li rrifjutat li ttellagħhom it-tnejn. Habesh qal li meta mar lura Simon Grech ma kienx għadu hemm u telaq lejn id-dar.

L-ispettur kien xehed li dan it-tagħrif kien ikkonfermat mis-sid tat-taxi u mart Habes fost oħrajn. Intant, meta kien arrestat Habesh kellu żewġ sim cards. Il-Libjan qal li kien Habesh li għaddielu dawn is-sim cards u mobile phone fl-aħħar ġurnata li ltaqgħu u spjega kif il-mobile phone kien għaddieh lil ċertu Mark Borg. Borg ikkonferma u qal li żammu bħala garanzija għax kien xeba’ jsellef flus lil Habesh.

Is-sim cards kienu ta’ mekkanik li nsteraqlu l-mobile phone wara li mar għandu barrani u l-oħra kienet tal-klijent li Simon Grech iġġieled miegħu. Fil-fatt jidher li dan il-kliljent ħalla l-mobile warajh wara li telaq lil Grech.
Tul l-investigazzjonijiet il-pulizija kellmu lil ċerti Grace Cini, Dorianne Galea u Christine Spiteri. Cini qalet li Grech kien talabha biex juża l-mobile imma peress li ma kelliex flus fih mar iċempel mill- White Stars Bar. Iktar tard ratu f’Escort ħamra.
Fil-lejl tas-6 ta’ April Foriann Galea ltaqgħet ma’ Habesh f’bar l-Imsida. Hu deher xurban u kien talab torċ. Mistoqsi għaliex riedha Habesh qal li riedha biex jirranġa l-vettura iżda Galea qalet li l-karozza ma rathiex. Intant, fit-13 ta’ April il-pulizija sabu l-ħwejjeġ tal-vittma l-Marsa u f’għalqa raw il-ħaxix mċaqlaq b’tali mod li wieħed jissuspetta li seta’ tkaxkar xi ħadd.

Eventwalment instab il-ġisem ta’ Simon Grech. Kien f’dak il-jum li Habes kien arrestat. L-escort aħmar instab in-Naxxar u fih kien hemm traċċi ta’ demm. Habesh qal li kien James li seraq il-karozza u fl-istess ħin ċaħad kull konnessjoni mal-qtil.