Lokali Unjoni Ewropea

Taqbel li jkollna charger komuni?

Matul l-aħħar 10 snin, il-Parlament insista fuq il-Kummissjoni biex tressaq proposta dwar charger komuni biex tindirizza l-iskart elettroniku u tagħmel il-ħajja aktar faċli għall-konsumaturi.

Il-Parlament Ewropew u l-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur ilhom snin jinsistu fuq soluzzjoni ta’ charger komuni, u kontinwament jitolbu lill-Kummissjoni biex taġixxi permezz ta’ rapporti ta’ inizjattiva proprja, riżoluzzjonijiet, u mistoqsijiet indirizzati lill-Kummissarji.

Fl-2014, il-Parlament irrakkomanda bil-qawwa li jkun hemm charger komuni għat-telefowns ċellulari kollha matul in-negozjati tad-Direttiva dwar it-Tagħmir tar-Radju (RED).

Minn dak iż-żmien ‘l hawn, diversi inizjattivi oħra tal-Parlament talbu, direttament jew indirettament, li ċ-charger tal-mowbajls jiġu standardizzati, bħal riżoluzzjoni adottata fit-30 ta’ Jannar 2020 li titlob lill-Kummissjoni tintroduċi standard għal charger komuni “bħala kwistjoni ta’ urġenza”.

Barra minn hekk, f’ riżoluzzjoni reċenti tat-10 ta’ Frar 2021 dwar il-pjan ta’ azzjoni ġdid għall-ekonomija ċirkolari, il-MPE talbu lill-Kummissjoni biex tintroduċi b’mod urġenti charger komuni għall-ismartphones u apparat simili biex jiġu żgurati l-aħjar għażliet ta’ ċċarġjar standardizzati, kompatibbli u interoperabbli u talbu lill-Kummissjoni tħejji strateġija ta’ diżakkoppjar għaċ-charger u t-tikkettar armonizzat.