Lokali

Ġbir ta’ fondi biex il-Victory Kitchen tkompli tgħin lil familji fil-bżonn

Victory Kitchen teħtieġ għajnuna kontinwa biex tkompli tgħin il-familji fil-bżonn. Dan mhux possibbli mingħajr il-ġenerożità tal-pubbliku u permezz tad-donazzjonijiet. Għal dan il-għan, Victory Kitchen flimkien ma’ Happy Initiative qed torganizza l-għawma annwali ta’ karità li se ssir f’waħda mill-ġranet bejn it-Tlieta 28 ta’ Settembru u l-Ħamis 30 ta’ Settembru, jekk it-temp jippermetti. Rafel Sammut u Andrew Arrigo, taħt il-gwida ta’ ħadd ħlief Neil Agius minn Wave of Change, ser jgħumu madwar Għawdex f’għawma kontinwa mingħajr waqfien li tkopri 37KM f’madwar 12-il siegħa.

Rafel Sammut u Andrew Arrigo u Neil Agius ser jgħumu madwar Għawdex

Victory Kitchen twaqqfet sabiex tipprovdi ikel lill-familji milquta mill-pandemija Covid-19 u lil hinn minnha. L-organizzazzjoni tgħin kemm jista’ jkun nies waqt dawn iż-żminijiet diffiċli billi tipprovdi ikliet sħan b’xejn ta’ kuljum.

Sal-lum, Victory Kitchen għenet 18,954 familja, billi pprovdiet 96,424 ikla.

“Aħna nemmnu bis-sħiħ li ħadd m’għandu jorqod bil-ġuħ, u nużaw dan il-messaġġ bħala l-għajta tal-battalja tagħna għall-għawma ta’ din is-sena biex nippruvaw niġbru biżżejjed fondi biex nipprovdu 120,000 ikla għat-12-il xahar li ġejjin u b’hekk ngħinu aktar familji, kif ukoll NGOs oħra billi nipprovdu ikliet sħan lil dawk li huma fil-bżonn,” qal Rafel. “Din is-sena m’hijiex biss għawma normali għall-karità, iżda biddilna l-mira tagħna u issa ser ngħumu madwar Għawdex. Nisperaw li din l-isfida li qed nagħmlu tista’ tgħin biex titqajjem aktar kuxjenza dwar l-għan tagħna u nżidu l-appoġġ tant meħtieġ biex ngħinu aktar familji fil-bżonn. Iktar ma niġbru donazzjonijiet aktar nistgħu nipprovdu ikliet u ngħinu familji. Il-ħolma tagħna hi li nipprovdu total ta’ 100,000 ikla u biex nibqgħu ngħinu u nitimgħu lill-familji fil-bżonn”.

Donazzjonijiet jistgħu jintbagħtu permezz ta’ Revolut fuq in-numru +356 99441950, jew permezz tal-online banking, bl-IBAN: MT87VALL22013000000040010942082. Apparti min hekk, donazzjonijiet jistgħu jintbagħtu permezz tal-BOV Mobile fuq +356 99906056. Iridu jiġu inklużi l-kliem ‘Support Victory Kitchen’ meta ssir id-donazzjoni. Wieħed jista’ jikkuntattja lil Victory Kitchen fuq Facebook jew permezz tal-mobile fuq +356 99906056.

Rafel qal, “Nixtieq nirringrazzja lill-Happy Initiative għall-appoġġ kontinwu tagħhom u lil kull min appoġġana sal-lum. Grazzi tmur ukoll lil dawk li qed jgħinuna f’din l-għawma, speċjalment Neil Agius, St. John Ambulance u l-voluntiera kollha li se jiġu dakinhar.”

Għal aktar informazzjoni dwar Victory Kitchen żur is-sit www.victorykitchen.org.