Lokali

Il-Gvern għadu bla soluzzjonijiet fuq il-kontijiet

Il-Gvern tal-Labour għad m’għandux soluzzjoni dwar is-serq fil-kontijiet tad-dawl.

Ammissjoni ċara u tonda mill-Ministru responsabbli mill-Enerġija Miriam Dalli li, għax għadu ma offra l-ebda soluzzjoni għaċ-ċittadini Maltin u Għawdxin, il-Gvern ta’ Robert Abela baqa’ jipprova jitfa l-ħtija fuq il-Partit Nazzjonalista għal sistema li l-Gvern stess ma jafx kif iħaddem jew iħaddem kif jaqbillu a skapitu tal-but tal-familji Maltin u Għawdxin.

Din il-konferma, li wasslet mill-Ministru qrib ħafna ta’ Robert Abela – tant li l-Prim Ministru stess talabha titlaq mill-Parlament Ewropew għax riedha tkun fil-Parlament Malti u tmexxi dan il-Ministeru importanti – turi b’mod ċar li s’issa, min suppost joħroġ bis-soluzzjonijiet għall-ġid tal-poplu, għadu mitluf dwar kif se jkunu qed jintroddu lura l-flus misruqa … u aktar minhekk, kif mhux se jkomplu jinsterqu.

Il-poplu Malti ilu tliet snin jisma’ l-wegħda ta’ soluzzjoni għal din il-kwistjoni – minn żmien it-tmexxija tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat – madanakollu s-serq fil-kontijiet tad-dawl u ilma għadu jissokta.

Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech diġà għamilha ċara li Gvern ġdid immexxi minnu jagħti l-flejjes kollha lura lill-poplu, li nsteraq b’mod sfaċċat mill-Gvern tal-Labour.

Dan filwaqt li Gvern ġdid Nazzjonalista jkun kommess li jnaqqas il-prezzijiet tal-enerġija b’mod sinifikanti, partikolarment bil-korrezzjoni tal-mekkaniżmu li bih jinħadmu l-kontijiet.