Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jaqbel mas-suġġeriment tal-Għaqda Maltija Kontra d-Dijabete

Il-Partit Nazzjonalista jirreferi għall-istqarrija maħruġa mill-Għaqda Maltija Kontra d-Dijabete, li għamlet appell lill-gvern biex il-Continuous Blood Gucose Monitors jibdew jingħataw b’xejn lill-pazjenti Dijabeti Type 1 li huma ’l fuq minn 16-il sena. Dawn wara li l-gvern introduċa b’suċċess dawn il-Continious Blood Glucose Monitors lit-tfal bid-dijabete ta’ 16-il sena u iżgħar. Din ukoll hija talba li se jinkludi l-Partit Nazzjonalista fil-Pre-Budget Document.

Il-membri tas-sotto-Kumitat Parlamentari fuq id-dijabete Mario Galea u Claudette Buttigieg saħqu li llum qed isir sforz madwar id-dinja li kull pazjent ikun imħarreġ u mgħejjun biex ikun parteċipi u jkun involut kemm jista’ jkun fil-kura tiegħu. Il- Continuous Blood Glucose Monitors joffri propju din l-opportunità li l-pazjenti bid-dijabete jkunu jistgħu jkollhom kontroll aħjar tal-livell taz-zokkor fid-demm tagħhom. Dawn il-monitors mhux biss jiskansaw lill-persuni bid-dijabete minn ħafna  titqib kuljum diversi drabi biex jiċċekkjaw iz-zokkor, imma barra minn hekk jinfurmaw il-persuna jekk il-livell taz-zokkor tiegħu jew tagħha hux tiela’ jew nieżel. Dan jagħti aktar kontroll lill-persuna bid-dijabete biex tkun tista’ tieħu l-passi meħtieġa ħalli żżomm il-livell taz-zokkor fid-demm b’mod stabbli kemm jista’ jkun.

Il-Partit Nazzjonalista jaqbel mas-suġġeriment tal-Għaqda Maltija Kontra d-Dijabete, li l-Blood Glucose Monitors għandhom jibdew jingħataw fuq medda ta’ żmien lill-persuni ta’ etajiet differenti. Il-Partit Nazzjonalista jsostni li dawn il-Continuous Blood Glucose Monitors mhux biss jiskansaw lil persuni b’dijabete minn ħafna tbatija, iżda jagħtihom aktar dinjità u jkollhom aktar kontroll fuq il-kundizzjoni tagħhom. Nittamaw li l-gvern jilqa’ din il-proposta u jinkludiha fil-budget li jmiss.