Internazzjonali Lokali

It-Taliban idendlu erba’ iġsma fiċ-ċentri tal-ibliet

Rapporti fil-media qed jgħidu li militanti Talibani dendlu l-iġsma ta’ erba’ persuni. Dan wara li lbieraħ uffiċjal Taliban wissa’ li kienu se jerġgħu jibdew jingħataw il-kastigi estremi bħall-eżekuzzjonijiet u l-amputazzjonijiet.

L-erba’ mejta, ilkoll irġiel, jidher li nqatlu fi ġlieda b’armi tan-nar. Kien allegat li l-vittmi kienu ħatfu lil negozjant u lil ibnu.

Ingħad li l-erba’ iġsma ġew esposti fi pjazez fi bliet, u wieħed jidher li tpoġġa mdendel ma’ krejn.

Filmati li qed jiċċirkolaw saħansitra juru li r-raġel twaħħallu messaġġ fuq sidru li jgħid li min jaħtaf lin-nies jispiċċa hekk.

Id-Deputat Gvernatur tal-belt ta’ Herat, Maulwai Shair Ahmad Emar f’kummenti lill-media qal li dawn l-iġsma ġew imdendla fl-ibliet bħala twissija lil persuni oħra li jippruvaw jaħtfu lil xi ħadd.  

It-Talibani reġgħu ħadu f’idejhom it-tmexxija tal-Afganistan fil-15 t’Awwissu, u kienu wegħdu tmexxija aktar ħanina minn dik ta’ qabel. Iżda minn dakinhar kienu rrappurtati għadd ta’ inċidenti ta’ abbuż ta’ drittijiet umani.