Futbol Sport

Jispikkaw Chelsea kontra Man City u Arsenal kontra Tottenham

(Ritratt: EPA)

Fis-sitt ġurnata mill-Premier League Ingliż jispikkaw żewġ partiti, dik ta’ bejn Chelsea u Man City u d-derby ta’ Londra bejn Arsenal u Tottenham. Il-partita bejn Chelsea u Man City mistnenija toffri kwalita’ għolja ta’ futbol, bejn żewġ timijiet li kisbu l-aktar success fl-aħħar snin fil-futbol Ingliż. Din se tkun ukoll l-ewwel darba li dawn iż-żewġ timijiet se jiltaqgħu wara l-finali taċ-Champions League tal-istaġun li għadda. B’Chelsea f’ras il-klassifika u b’wirja pożittiva wara l-oħra, iċ-champions attwali Man City u Pep Guardiola, mistennija jsibu tim organizzat li lest li jikkastiga mal-ewwel żball, tim immexxi minn Thomas Tuchel li qed jilgħab fost l-aqwa futbol fl-Ingilterra matul dan l-istaġun.

Fil-partita l-oħra li tispikka fl-Emirates Stadium Arsenal se jospitaw lir-rivali eterni Tottenham. Minkejja li ż-żewġ timijiet kellhom bidu kuntrastanti tal-Premier League, l-aħħar żewġ logħbiet ressquhom aktar viċin xulxin fil-klassifika. Filwaqt li Tottenham rebħu l-ewwel żewġ partiti u tilfu l-aħħar tnejn, Arsenal tilfu l-ewwel tliet partiti urebħu l-aħħar tnejn, bit-tim immexxi minn Mikel Arteta se jidħol għal din il-partita bħal l-favorit. Madanakollu, Tottenham se jkunu qed jistennew prestazzjonijit aħjar mill-attakkant tagħhom Harry Kane, li huwa l-aqwa skorer ta’ kull żmien f’din il-partita, bi 11-il gowl.

F’partita oħra Liverpool se jkunu qed imorru għand it-tim neopromoss Brentford, fil-Brentford Community Stadium. It-tim immexxi minn Jurgen Klopp kellu bidu mill-aqwa għall dan l-istaġun fejn rebħu erba’ partiti u ġew draw oħra, fejn jinsabu f’ras il-klassifika bl-istess punti daqs Chelsea. B’Sadio Mane u Mo Salah fl-aqwa forma tagħhom, Liverpool mistennija jiksbu rebħa faċilment. Madanakollu Brentford kellhom bidu tajjeb ukoll fl-ewwel staġun tagħhom fil-Premier League, fejn kisbu żewġ rebħiet, kontra Arsenal u kontra Wolves fl-aħħar ħarġa tagħhom. Minkejja li Liverpool huma l-favoriti, it-tim immexxi mind-Daniż Thomas Frank mistenni jissilet għal kull ballun quddiem il-partitarji tagħhom.

Wara l-eliminazzjoni tagħhom mill-Carabao Cup fost il-ġimgħa kontra West Ham, Man Utd se jkun qed iħarsu li jkomplu fuq il-forma pożittiva li għaddejin minnha Premier League, hekk kif huma tim ieħor li għadhom bla telfa. B’punti identiċi ma’ Chelsea u Liverpool, Man Utd huma l-favoriti li joħorġu bit-tliet punti mill-konfront kontra Aston Villa. bi Crisitiano Ronaldo mistenni jkun involut kontra tim li skorja disa’ darbiet kontrih, l-aktar tim li skorja kontrih Ronaldo fil-Premier League. Madanakollu Aston Villa mistennija jkunu avversarji denji speċjalment wara r-rebħa ta’ 3-0 kontra Everton fl-aħħar ħarġa tagħhom fil-Premier League, b’Leon Bailey, Danny Ings u Emi Buendia mistennija jkunu ta’ problema għad-difiża ta’ Man Utd.

PREMIER LEAGUE

Illum: Chelsea v Man City 1.30pm, Man Utd v Aston Villa 1.30pm, Leicester v Burnley 4.00pm, Everton v Norwich 4.00pm, Leeds v West Ham 4.00pm, Watford v Newcastle 4.00pm, Brentford v Liverpool 6.30pm, Għada Southampton v Wolves 3.00pm, Arsenal v Tottenham 5.30pm, It-Tnejn Crystal Palace v Brighton 9.00pm