Lokali

L-Airshow Internazzjonali ta’ Malta: ir-ritorn tar-Red Arrows

Is-Sibt ingħata bidu għall-Airshow Internazzjonali ta’ Malta, li din is-sena qed isir f’żewġ lokalitajiet: il-wirja statika fl-Arjuport, filwaqt li l-wirjiet fl-ajru fuq il-Qawra.

Kienu bosta dawk li niżlu fl-inħawi ta’ Buġibba u San Pawl il-Baħar biex segwew dan l-ispettkalu li sar fuq il-baħar … spettaklu li ilu nieqes minn pajjiżna tliet snin.

Ritratt: Joseph Galea

Fost l-ispettakli tant mistennija kien hemm dak tar-Red Arrows mir-Royal Airfore wara nuqqas ta’ seba’ snin minn Malta. Kien hemm ukoll spettaklu offrut mill-Forzi Militari tal-Ajru Franċiżi u Belġjani.

Minbarra dawn, kien hemm ukoll spettakli oħrajn minn ajruplan u ħelikopter tal-Forzi Armati ta’ Malta, kif ukoll mill-Forzi Armati Żvizzeri.

Ritratt: Joseph Galea

Dan filwaqt li fil-wirja statika pparteċipaw ukoll il-Forzi Armati Ġermaniżi u dawk Pollakki, kif ukoll il-Pulizija Taljana, Guardia di Finanza u wirja spettakolari mill-Mużew tal-Avjazzjoni.

L-Airshow Internazzjonali ta’ Malta ikompli l-Ħadd, fejn mistenni jiġbed lejh l-eluf ta’ segwaċi għaż-żewġ wirjiet skedati.