Lokali

L-MDA tikkritika l-Gvern u tinsisti fuq liġijiet ċari, aktar ċertezza u t-tneħħija ta’ burokrazija

L-Għaqda tal-Iżviluppaturi Maltin, l-MDA, fi stqarrija rreferiet għal dak li qal il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana, li l-ekonomija Maltija triq tibda timxi l-bogħod mill-kostruzzjoni. Ir-raġuni li ta kienet li l-poplu jħoss li l-ispazji miftuħa u l-ambjent qiegħdin jiġu mhedda.

L-MDA, filwaqt li tikkondividi s-sentiment tal-poplu tħoss illi s-soluzzjoni mhijiex illi l-ekonomija tagħmel għadu mill-industrija tal-kostruzzjoni pero’ illi tabbraċċja liġijiet u policies illi jkunu aktar favur l-ambjent – kemm dak rurali kif ukoll dakurban.

Dak li jrid l-investitur, sostniet l-MDA, huwa liġijiet ċari, ċertezza u tneħħija ta’ burokrazija żejda. L-iAssoċjazzjoni sostniet li l-inestitur lest li jilqa’ l-isfidi ġodda li timponi fuqu ekonomija mibnija fuq parametri ambjentali, pjanar strateġiku u fit-tul għal bini sostenibbli sabiex filwaqt li ma tbagħtix l-ekonomija, ma jbagħtux lanqas il-40,000 familja li jieklu minn din l-industrija tant prezzjuza fil-pajjiz.