Lokali

L-MPU b’tilwima industrijali mal-Korp tal-Pulizija

Il-Malta Police Union (MPU) irreġistrat tilwima industrijali mal-Kummissarju u l-Korp tal-Pulizija wara li l-Korp baqa’ ma jridx jaċċetta li l-Pulizija jintalbu jagħmlu traffic management minn terzi. Fil-fatt, il-Union qalet li dawn it-talbiet lanqas biss kienu mwieġba, iżda saħansitra kompletament injorati.

L-MPU qalet li dan is-servizz jitħallas mill-persuni jew entitajiet li jitolbu s-servizz u minnu jgawdu l-membri tal-Korp bi dħul finanzjarju akbar f’overtime. Għaldaqstant, staqsiet għaliex l-Amministrazzjoni ma tridx li l-Pulizija jtejbu d-dħul finanzjarju tagħhom.

L-Union qalet li l-Amministrazzjoni tal-Korp qed tuża’ l-pandemija bħala skuża għal kull darba li ma tieħux azzjoni b’risq il-membri. Fil-fatt, filwaqt li għall-ewwel, l-Amministrazzjoni qalet li dan is-servizz m’għandux isir għax hu degradanti għall-Pulizija, issa qed tintuża’ l-iskuża tal-pandemija.

Fid-dawl ta’ dan kollu, l-MPU ordnat lill-membri tagħha biex minn għada filgħodu, dawk li jkunu qed jagħmlu xi extra duty jew overtime għandhom t-t-shirt u l-baseball cap mogħtija mill-Korp, kif ukoll tag ta’ identifikazzjoni. Min-naħa l-oħra, l-uniformi kompluta għandha tintlibes f’xogħlijiet oħrajn.

L-Union qalet li se tkun qed tkopri lill-membri kollha tal-Korp, ladarba din il-kwistjoni taffettwahom kollha u għalhekk, mhux se tittollera intimidazzjoni jew diskriminazzjoni.