Futbol Sport

Man City jagħtu l-ewwel telfa tal-istaġun lil Chelsea

(Ritratt: EPA)

Iċ-Champions Ingliżi Manchester City taw wirja impressjonanti biex għelbu lil Chelsea 1-0 fi Stamford Bridge, bir-riżultat ifisser li l-Blues ta’ Tuchel sofrew l-ewwel telfa tal-istaġun. Iż-żewġ tims, intant, mistennija jissieltu sal-aħħar għat-titlu tal-Premier League, u f’din l-okkażjoni, is-Citizens ta’ Pep Guardiola iddominaw għal ħafna ħinijiet kontra Chelsea li ħarġu passivi għal din il-logħba u dehru ferm ‘il bogħod mill-forma tal-aħħar ġimgħat. Il-konfront kien deċiż fil-53 minuta meta Gabriel JESUS ittanta xortih b’xutt minn barra l-kaxxa, bil-ballun jaħbat ma’ Jorginho u jispiċċa fix-xibka ta’ Edouard Mendy. U għalkemm il-gowl kellu element ta’ fortuna, City żgur kien jimmeritahom it-tliet punti kontra l-avversarji ta’ Londra li, f’Mejju, kienu għelbuhom fil-finali taċ-Champions League.

Fil-fatt, Man City setgħu kabbru l-vantaġġ, b’Jesus għal ftit ma jirduppjax u fejn ra lil Thiago Silva jaqla’ il-ballun minn fuq il-linja – b’Aymeric Laporte ukoll ifalli okkażjoni faċli meta xeħet barra minn pożizzjoni ideali. City baqgħu perikolużi u Mendy kellu jwettaq żewġ saves tajbin fuq it-tentattivi perikolużi ta’ Jack Grealish – bl-iskor ma jinbidilx. Ir-rebħa fi Stamford Bridge ifisser ukoll li Pep Guardiola sar l-aktar manager ta’ Man City li qatt kiseb suċċess f’termini ta’ logħob mirbuħ.

Aston Villa, b’sorpriża kbira, irnexxielhom jiksbu l-ewwel rebħa f’Old Trafford fi tnax-il sena għall-ispejjeż ta’ Manchester United u bir-Red Devils ukoll jispiċċaw isofru l-ewwel telfa fil-league tal-istaġun.United bdew fuq l-attakk iżda maż-żmien huma tilfu l-kontroll ta’ nofs il-grawnd, b’Villa ikunu perikolużi f’diversi okkażjonijiet – b’Matt Targett jispara għoli minn quddiem il-gowkiper David de Gea u b’Ollie Watkins, minuti wara, ifalli ċans kbir ieħor wara li de Gea qassam il-ballun f’saqajn l-attakkant tal-Villains. Fit-tieni taqsima, Villa komplew itellgħu azzjonijiet perikolużi, b’Ezri Konsa jara l-header tiegħu minn korner jgħaddi ftit barra – iżda fit-88 minuta wasal il-gowl importanti meta Kortney HAUSE sab ix-xibka bir-ras minn korner ieħor.
Fil-ħin miżjud kien hemm aktar mumenti drammatiċi meta Hause mess il-ballun fil-kaxxa għal penalty ċar – iżda Bruno Fernandes spara għoli mill-ħdax-il metru biex sfumat l-aħħar opportunità għar-Red Devils biex isalvaw punt.

Liverpool kienu miżmuma fi dro, 3-3, minn Brentford fil-Community Stadium iżda xorta waħda jinsabu waħedhom fil-quċċata tal-Premier League, b’punt aktar mill-erba’ tims ta’ warajhom (Man City, Chelsea, Man Utd u Everton). Ethan PINNOCK (27) poġġa lill-Bees fil-vantaġġ iżda Liverpool qalbu r-riżultat b’żewġ gowls minn JOTA (31) u Mo SALAH(54) –b’Vitaly JANELT jagħmilhom 2-2 fit-63 minuta. Il-logħba baqgħet movimentata u Curtis JONES (67) irristawra l-vantaġġ għar-Reds b’xutt li xxellef minn mal-plejer ta’ Brentford, Ajer, għal ġewwa. Iżda l-Bees baqgħu jemmnu u fit-83 minuta Yoane WISSA ħasad lil Liverpool meta żgiċċa lid-difiża u għeleb lill-gowlkiper, Alisson, b’chip perfett għat-3-3 finali.

Everton telgħu l-ħames fil-Premier League b’rebħa, 2-0, fuq it-tim tal-qigħ, Norwich City, f’Goodison Park. Andros TOWNSEND (29) poġġa lit-Toffees fil-vantaġġ minn penalty wara l-fawl ta’ Ozan Kabak fuq Allan u b’Abdoulaye Doucoure jaċċerta l-punti fit-tieni taqsima. Ir-riżultat ifisser li Everton rebħu erba’ mis-sitt logħbiet li lagħbu s’issa fil-league taħt it-tmexxja tal-manager Rafael Benitez.

Gowl skurjat minn Michail ANTONIO fid-90 minuta ħalla lil Leeds United ifittxu l-ewwel rebħa tagħhom fil-Premier League mill-bidu tal-kampjonat u fejn huma mill-ġdid ħarġu b’idejhom vojta minn Elland Road. Leeds kellhom diversi tentattivi fuq il-lasta tal-Hammers u fetħu l-iskor minn RAPHINHA wara 20 minuta. Iżda West Ham irreaġew tajjeb u ġabu d-draw meta, fuq ix-xutt ta’ Jarrod Bowen, il-ballun ħabat mad-difensur ta’ Leeds Junior Firpo u spiċċa fix-xibka. Intant, l-aħħar kelma kienet tal-Hammers, b’Antonio jagħmilhom 2-1 wara azzjoni personali u għal riżultat li jħalli lil Leeds it-tielet mill-aħħar fil-klassifika.

Leicester City u Burnley spiċċaw fi dro, 2-2, wara logħba kumbattuta fil-King Power Stadium. Il-Clarets marru fil-vantaġġ wara 12-il minuta b’awtogol ta’ Jamie Vardy iżda l-istess VARDY (37) patta għall-iżball meta rċieva mingħand Tielemans u sab ir-rokna tax-xibka għall-1-1.
Tliet minuti wara, Burnley marru mill-ġdid fil-vantaġġ b’volley mill-isbaħ ta’ Maxwel CORNET – b’Leicester ikollhom jistennew sal-85 minuta għall-parità li wasal mill-prolifiku Vardy li qabeż lill-gowlkiper Pope u tefa’ f’xibka vojta.

Newcastle United għadhom ifittxu l-ewwel rebħa fil-Premier League wara dro, 1-1, ma’ Watford f’Vicarage Road. Il-Geordies marru fil-vantaġġ minn Sean Longstaff (23) iżda Watford tjiebu wara l-mistrieħ u kisbu l-gowl tad-dro li kien jimmeritahom minn Ismaila SARR (72). Il-VAR imbagħad ħassar il-‘gowl’ ta’ Joshua King li kien jagħti t-tliet punti lill-Hornets li kieku kienu konvalidat.

PREMIER LEAGUE

Illum: Chelsea v Man City 0-1, Man Utd v Aston Villa 0-1, Leicester v Burnley 2-2, Everton v Norwich 2-0, Leeds v West Ham 1-2, Watford v Newcastle 1-1, Brentford v Liverpool 3-3 Għada: Southampton v Wolves 3.00pm, Arsenal v Tottenham 5.30pm It-Tnejn: C’Palace v Brighton 9.00pm