Futbol Sport

Milan jitilgħu fl-ewwel post b’rebħa fuq Spezia, Inter miżmuma minn Atalanta

(Ritratt: EPA)

Milan komplew bil-bidu pożittiv għal dan l-istagun hekk kif kisbu rebħa diffiċli ta’ 2-1 barra minn darhom kontra Spezia. Wara taqsima mingħajr gowls, Milan fetħu l-iskor fit-48 minuta meta kien iż-żagħżugħ Daniel Maldini li kkonkluda b’daqqa ta’ ras tajba fuq cross ta’ Pierre Kalulu. Spezia wettqu reazzjoni u kellhom aktar mill-inizjattiva. It-tim ta’ Thiago Motta ġabu l-iskor indaqs fit-80 minuta permezz ta’ konklużjoni li kienet devjata ta’ Simone Verde. Iżda Milan skorjaw dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa fis-86 minuta permezz tas-sostitut Brahim Diaz.

F’SanSiro Inter kienu miżmuma f’darhom minn Atalanta fi draw ta’ 2-2. Kienu Inter li marru fil-vantaġġ fil-5 minuta meta minn cross ta’ Nicolo Barella kien l-attakkant Arġentin Lautaro Martinez li b’volley tefa’ fil-lasta. Madanakollu fit-30 minuta Atalanta kisbu l-gowl tad-draw meta kien Ruslan Malinovksy li b’xutt minn barra l-kaxxa għeleb lil goalkeeper Samir Handanovic għa 1-1. Atalanta dawwru r-riżultat fit-38 minuta meta kien Rafael Toloi li kkonkluda mill-viċin wara li x-xutt ta’ Malinovsky kien salvat minn Handanovic. Minkejja dan Inter kisbu l-gowl tad-draw fil-71 minuta meta x-xutt ta’ Dimarco kien salvat minn Juan Musso, b’Edin Dzeko jikkonkludi mill-viċin.

F’partita oħra Genoa u Verona temmew fi draw ta’ 3-3. Verona fetħu l-iskor fit-8 minuta permezz ta’ Giovanni Simoene, b’Antonin Barak jirdoppja fit-48 minuta. Minkejja dan Genoa naqqsu d-distakk fis-77 minuta minn penalty ta’ Domenico Criscito, b’Mattia Destro jġib il-gowl tad-draw tliet minuti wara. Genoa ħasbu li skorjaw il-gowl tar-rbħa fil-85 minuta meta Mattia Destro skorja t-tielet gowl tagħhom, iżda Verona skorjaw il-gowl tad-draw fil-91 minuta permezz ta’ Nikola Kalinic.

SERIE A

Illum: Spezia v Milan 1-2, Inter v Atalanta 2-2, Genoa v Verona 3-3 Għada Juventus v Sampdoria 12.30pm, Udinese v Fiorentina 3.00pm, Sassuolo v Salernitana 3.00pm
Empoli v Bologna 3.00pm, Lazio v Roma 6.00pm, Napoli v Cagliari 8.45pm It-Tnejn
Venezia v Torino 8.45pm