Coronavirus Lokali

Strapazz għall-anzjani Rabtin biex jingħataw il-booster

Anzjani Rabtin irċievew l-istedina biex jieħdu l-booster għal kontra l-pandemija fil-Poliklinika tal-Gżira minflok f’tar-Rabat, li tinsab ftit metri bogħod minn darhom stess.

Kien il-Kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali li ġejja, Ian Vassallo, li żvela din l-iskumdità li qed jiffaċċjaw diversi anzjani, li jaf anke jkollhom problema ta’ trasport.

Hu qal ukoll li f’każ partikolari, koppja rċeviet appuntamenti għall-booster f’żewġ postijiet differenti: persuna minnhom għall-Poliklinika tar-Rabat u l-persuna oħra għall-Poliklinika tal-Gżira. U dan meta dawn it-tnejn għandhom aktar minn 80 sena.

Vassallo qal li din is-sitwazzjoni hi inaċċettabbli, filwaqt li appella biex kulħadd ikollu l-possibbiltà li jieħu l-booster fil-Poliklinika distrettwali. Barra minhekk, hu fakkar kif il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi li l-anzjani u dawk fil-bżonn għandhom jingħataw il-kura f’darhom.

Hu temm billi appella għas-sens komun ħalli l-anzjani ma jibqgħux ibatu għall-inkompetenza li qed imexxu biha l-awtoritajiet.