Futbol Sport

Tispikka l-partita bejn Floriana u Ħamrun

(Ritratt: Domenic Aquilina/ MFA)

Fil-ħames ġurnata mill-Kampjonat BOV Premier Floriana se jiltaqgħu kontra iċ-champions attwali Ħamrun, fl-aktar partita li tispikka din il-ġimgħa. Għal Ħamrun tliet punti huma imperattivi wara li tilfu tlieta mill-ewwel erba’ partiti tagħhom dan l-istaġun, li ħallithom fid-disa’ post tal-klassifika. Ħamrun naqsu milli jkunu dominanti fid-dipartiment ta’ nofs il-ground, kuntrarju għas-sena l-oħra, bin-nuqqas ta’ Matthew Gullaimier jidher li qed jinħass mhux ftit. Min-naħa l-oħra it-tim żagħżugħ ta’ Floriana qiegħed kull ma jmur jżied fil-kunfidenza tiegħu taħt it-tmexxija tal-kowċ Gianluca Aztori. B’Adam Magri Overand u Ryan Camenzuli jkunu strumentali għal Floriana matul dan l-istaġun, l-attakkanti Kristian Keqi u Jose Arias jistgħu jkunu perikolużi ferm għad-difiża ta’ Ħamrun.

F’partita oħra it-tim fit-tieni post Birkirkara se jaffrontaw lil Gżira, li jinsabu fis-seba’ post tal-klassifika. Gżira se jkunu qed iħarsu li jkomplu jibnu fuq ir-riżultat pożittiv li kisbu bir-rebħa ta’ 2-0 fuq Valletta fl-aħħar ħarġa tagħhom. L-attakkanti tagħhom Yuri Messias u Jefferson de Assis se jkun ta’ problema għad-difiża kalkariża, fejn min-naħa tagħhom għandhom l-aqwa difiża sa issa fil-Kampjonat BOV Premier. Madanakollu, Birkirkara kapaċi jiskurjaw f’kull mument tal-partita, b’ Luke Montebello u Federico Falcone jkunu miċidjali fl-attakk, bl-Arġentin ikun l-unika plejer li skorja f’kull partita tal-Kampjonat Premier sa issa.

F’partita oħra il-leaders attwali Hibernians se jaffrontaw lil Santa Lucia. Hibernians huma l-uniku tim li għandu l-punti massimi mill-erba’ partiti li ntlagħbu fil-Kampjonat BOV Premier. Hibernians jidhru tim komplut b’saħħtu f’kull dipartiment, b’Jake Grech ikun strumentali għat-tim fil-fażi offensiva, bil-Pawlisiti jkunu l-aktar tim li skorja gowls fil-Kampjonat, bi 11-il gowl. Min-naħa l-oħra Santa Lucia jinsabu viċin iż-żona tar-relegazzjoni wara t-telfa ta’ 3-1 kontra Sirens.

F’partita oħra Mosta se jaffrontaw lil Balzan f’dik li se tkun id-derby tal-ġimgħa. Mosta jinsabu fl-aħħar post tal-klassifika attwalment b’punt wieħed biss. Min-naħa l-oħra Balzan reġgħu qawwew it-tamiet tagħhom għal mal-ewwel erba’ wara r-rebħa fuq Ħamrun. Għal Mosta tliet punti huma imperattivi jekk iridu jżommu posthom fil-Kampjonat BOV Premier, anke jekk għadu fil-bidu tal-istaġun. Madanakollu, bl-istil ta’ logħob li qed jilagħbu Balzan, se tkun diffiċli għal Mosta u se jkollhom jitħabbtu mhux ftit biex jiksbu tliet punti minn fuq ir-rivali tagħhom.

KAMPJONAT BOV PREMIER

Illum : Tony Bezzina Stadium Gudja v Valletta 5.00pm, Hibernians v Santa Lucia 9.00pm Stadium Nazzjonali Floriana v Ħamrun 7.00pm Għada: Stadium Nazzjonali Gżira v Birkirkara 5.00pm, Mosta v Balzan 9.00pm Tony Bezzina Stadium Sirens v Sliema 7.00pm