Futbol Sport

Arsenal iserrħu rashom kmieni ma’ Tottenham fid-derby ta’ Londra

(Ritratt: EPA)

Arsenal pattew xi ftit għall-bidu tal-istaġun diżappuntanti b’rebħa konvinċenti, 3-1, fuq Tottenham Hotspur fid-derby ta’ North London li ntlagħbet fl-Emirates Stadium. Fil-fatt, il-Gunners irnexxielhom iwittu t-triq għar-rebħa fl-ewwel 45 minuta bi tliet gowls mingħajr l-ebda risposta mingħand Spurs u meta l-wirja ta’ Pierre-Emerick Aubameyang u sħabu żgur li għolliet mhux ftit il-moral tal-partitarji tagħhom.. Arsenal ħasdu lil Spurs bi ftuħ offensiv u bl-ewwel gowl jasal wara biss 12-il minuta, meta Emile SMITH ROWE ma żbaljax minn quddiem il-gowlkiper Lloris wara li daħal għall-cross ta’ Bukayo Saka. Fis-27 minuta kien imiss lill-captain tal-Gunners, AUBAMEYANG, li niżżel ismu mal-iskorers wara azzjoni mibdija minn Smith Rowe u li ħalliet lid-difensuri ta’ Spurs fuq sieq waħda.

Ir-reazzjoni ta’ Tottenham kienet fjakka u SAKA (35) għamilhom tlieta b’xutt fil-baxx għar-rokna wara kontra-attakk veloċi. Il-logħba minn dak il-ħin il-ħin kienet prattikament magħluqa għalkemm Spurs, fit-tieni taqsima, irnexxielhom inaqqsu d-distakk minn SON HEUNG-MIN (79) li sab ruħu żmarkat u ma ta l-ebda ċans lil Ramsdale b’xutt qawwi miċ-ċentru tal-kaxxa l-kbira. B’din ir-rebħa Arsenal qabżu lil Tottenham fil-klassifika u bil-maltemp ikompli għal Spurs li issa tilfu l-aħħar tliet konfronti konsekuttivi fil-kampjonat.

Wolves għelbu lil Southampton barra minn darhom, bl-uniku gowl tal-logħba jiskurjah l-attakkant Messikan Raul JIMENEZ fil-bidu tat-tieni taqsima. Il-gowl kellu sinifikat speċjali għal Jimenez għaliex kien le-ewwel wieħed tiegħu mindu hu kiser l-iskutella ta’ rasu waqt il-konfront tal-istaġun l-ieħor ( f’Novembru) kontra Arsenal u fejn għal ftit ma tilifx ħajtu b’konsegwenza. Il-gowl importanti kien ukoll wieħed ta’ kwalità, b’Jimenez jevita d-daħliet ta’ żewġ difensuri biex jegħleb lill-gowlkiper Alex McCarthy b’xutt għar-rokna.

Southampton, qabel, kellhom iċ-ċansijiet li jiżblukkaw ir-riżultat, iżda l-gowlkiper ta’ Wolves, Jose Sa, Ċaħad lil Adam Armstrong, Valentino Livramento u Mohamed Elyounoussi b’numru ta’ saves tajbin.
Lejn l-aħħar tal-konfront, is-Saints kellhom opportunità tajba oħra għall-parità iżda Jose Sa irnexxielu jinnewtralizza t-tentattiv ta’ Che Adams’ — b’Wolves jikkontrollaw ir-riżultat utli sal-aħħar. Intant, Southampton ilhom mill-bidu tal-istaġun mingħajr rebħa fil-Premier League u meta jinsabu s-sittax fil-Premier League – b’Wolves, issa, jinsabu tlett postijiet qabilhom, fit-tlettax-il post.

PREMIER LEAGUE

Ilbieraħ Chelsea v Man City 0-1, Man Utd v Aston Villa 0-1, Leicester v Burnley 2-2, Everton v Norwich 2-0, Leeds v West Ham 1-2, Watford v Newcastle 1-1, Brentford v Liverpool 3-3 Illum: Southampton v Wolves 0-1, Arsenal v Tottenham 3-1 It-Tnejn: C’Palace v Brighton 9.00pm