Il-gazzetta MaltaToday illum żevalt kif id-deputat Laburista Ian Castaldi Paris – ftit ġimgħat biss qabel l-arrest ta’ Yorgen Fenech – kien għadu qed jikkomunika f’chats mal-allegat kompliċi fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. F’dawn iċ-chats, Castaldi Paris jiftaħar dwar propjetajiet li qal illi għandu f’Londra fi żmien meta ma kienx għadu sab postu fil-Parlament.
F’kummenti lill-istess gazzetta, Castaldi Paris jammetti li vera kien hemm dawn iċ-chats iżda jistqarr li dan kien biss bluff.
“Kont stupidu” jgħid id-deputat Laburista lill-MaltaToday.
Dawn il-konverżazzjonijiet bejn Castaldi Paris u Yorgen Fenech nibtu fil-perijodu meta l-imprenditur kien qed jagħmel il-konvenju fuq il-famuża propjetà fl-Imdina, li fiha daħlet ukoll id-deputat Rosianne Cutajar – intriċċi li kull ma jmur, aktar qed jikkumplikaw ruħhom.
F’dawn iċ-chats, id-deputat laburista jindirizza lil Yorgen Fenech bil-kelma “king”, u qallu li ma jiddejjaqx jagħmel deals miegħu fuq il-proprjetà. Dan kollu seħħ f’Settembru tal-2019, meta kien diġa’ magħruf li hu sid il-kumpanija 17 Black. Xahrejn wara, Fenech ġie arrestat.
Din il-ġimgħa Ian Castaldi Paris daħal f’kontroversja oħra meta fuq ir-radju laburista stqarr li għall-anzjani “il-pensjoni qed isservi”.
Castaldi Paris huwa wieħed mill-aktar deputati fdati ta’ Robert Abela.
//= $special ?>