Lokali

Gvern ġdid Nazzjonalista iwiegħed aktar leave lill-missirijiet biex igawdu lit-tarbija tagħhom

Il-familja ser tkun element ċentrali fil-politika ta’ Gvern immexxi minn Bernard Grech

“Irridu rġiel u nisa li jkunu kuntenti fuq il-post tax-xogħol, li jaghtu l-massimu tagħhom lil min iħaddimhom, u fl-istess ħin jassiguraw li jgawdu l-familja, jrabbu lil uliedhom u jkunu hemm għalihom. Propju għalhekk, se nniedu sensiela ta’ miżuri bla preċedent f’dan il-qasam u l-aktar waħda għal qalbi hija li nestendu l-kunċett ta’ “Paternity Leave” biex dan jista’ jiġi estiż anke għall-irġiel – b’porzjon minnu jkun jista’ jittieħed fl-istess żmien mal-omm fl-ewwel ġimgħat tat-twelid tat-tarbija”.

Hekk stqarr il-Kap tal-PN Bernard Grech f’attività organizzata dalgħodu fil-Għargħur bit-tema “Kun il-Bidla”.

Waqt din l-intervista, Bernard Grech tkellem dwar il-kura kontra l-kanċer – suġġett li hu ta’ importanza kbira għall-PN. Hu qal li fejn jidħlu n-nies “mhemmx prezz jew flus”. Filwaqt li insista li għall-PN huwa il-valur tal-persuna l-aktar li hu importanti.

“Irridu nistinkaw biex tassew nagħtu valur aqwa lill-persuna”, sostna Bernard Grech.

Hawn, hu irrefera għall-ftehim bilaterali li pajjiżna għandu mar-Renju Unit. “Dan it-tip ta’ ftehim nistgħu nagħmluh ma pajjiżi oħra, biex niggarantixxu l-aqwa kura għall-persuni li qed jaffaċjaw il-marda tal-kanċer”.

Dwar l-ambjent, Bernard Grech fakkar kif il-bidla ma ssirx biss mill-politiċi imma minn dawk kollha li jridu jagħmlu xi ħaġa tanġibbli għal pajjiżna. “Jekk hemm partit li għandu kredenzjali fl-ambjent, dan hu l-PN”, stqarr Bernard Grech.

Insista li l-progress ma jistax isir a-skapitu taż-żgħir. U għalhekk, l-importanza tal-bilanċ u s-sostenibbiltà.

Fl-intervista, semma’ wkoll kif Gvern ġdid Nazzjonalista se jistinka biex isaħħaħ l-MCESD u fih ikun jinkludi aktar professjonisti u setturi differenti tas-soċjetà. Dan se jgħin ukoll biex issir konsultazzjoni vera.

Hu tkellem fit-tul anke dwar l-edukazzjoni, u insista li Gvern ġdid immexxi minnu se jkompli jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-edukaturi. Bernard Grech qal li l-PN kommess li l-għalliema jkollhom tassew paga diċenti.

F’dawn l-aħħar snin il-Gvern ma’ għamel xejn għas-settur edukattiv, qal Bernard Grech.