Lokali

Hemm bżonn aktar investigazzjonijiet dwar il-kumpanija sigrieta Egrant

L-inkjesta li saret dwar il-bank Pilatus u l-iskandli kollha li jduru madwar dan il-bank irrakomandat li jsiru aktar investigazzjonijiet dwar il-kumpanija Egrant. Dan sabiex toħroġ tassew il-verità fuq dak illi seħħ, hekk kif għadna sal-lum b’dubji kbar dwar Egrant u dwar min hu s-sid veru tagħha.

Il-gazzetta Sunday Times of Malta tiżvela li mill-inkjesta oriġinali dwar Pilatus joħroġ ċar kif l-esperti innutaw li hemm ħafna truf dwar Egrant li għadhom mhux spjegati. U għalhekk jeħtieġ investigazzjoni fil-fond.

Fost l-oħrajn, jidher li qed issir rakkomandazzjoni biex ikun hemm ħidma mal-awtoritajiet Amerikani sabiex jiġi stabbilit eżatt kif saru ċertu tranżazzjonijiet li dwarhom tkellmet ħafna Maria Efimova; l-impjegata tal-bank Pilatus illi kienet tkellmet mal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia dwar Egrant.

Brian Tonna u Karl Cini ta’ Nexia BT

Aktar minn hekk, l-istess esperti li kienu parti mill-inkjesta oriġinali dwar il-bank Pilatus jirrakomandaw li tiġi intervistata Efimova u jisimgħu sew x’għandha xi tgħid.

Il-kumpanija Egrant kienet twaqqfet minn Nexia BT eżatt wara l-elezzjoni tal-2013 meta Joseph Muscat tela’ fil-poter. Iż-żewġ kumpaniji l-oħra tal-Panama kienu infetħu għal Konrad Mizzi u Keith Schembri.

Minn dak iż-żmien, Nexia BT spiċċat ingħalqet. U s-sid tagħha Brian Tonna tressaq il-Qorti flimkien ma’ sieħbu Karl Cini.

Filwaqt li l-FIAU, f’Awwissu li għadda, immultat lill-Pilatus kważi €5 miljun għaliex il-bank naqas milli jagħmel l-iskrutinji neċessarji rigward il-ħasil tal-flus.