Lokali

Il-ġlieda bejn il-kandidati Laburisti fuq ir-Raba’ Distrett hi ħarxa ħafna u maqsuma f’numru ta’ fazzjonijiet

Il-magna ta’ Robert Abela jidher li issa ffukat biex iddgħajjef kemm tista’ lid-Deputat Parlamentari Glenn Bedingfield minn fuq ir-Raba’ Distrett.

Glenn Bedingfield kien u baqa’ leali lejn Joseph Muscat u ta’ dan jidher li se jkollu jħallas prezz għoli għaliex il-magna ta’ Robert Abela qed tagħmel minn kollox biex teliminah mill-Grupp Parlamentari Laburista.

Fuq ir-Raba’ Distrett Glenn Bedingfield mhux jiddejjaq li għandu kandidati bħad-Deputat Mexxej Chris Fearne, iżda l-approvazzjoni bħala kandidat ta’ Amanda Spiteri Grech, li sa ftit ilu kienet tippreżenta wkoll programm fuq ix-Xandir tal-Istat, tagħtu ġewwa. Glenn Bedingfield fehem aktar il-messaġġ tal- magna ta’ Robert Abela li qed tagħmel minn kollox biex tqaċċtu billi ma jkunx elett minn dan id-Distrett Elettorali.

Il-ġlieda bejn il-kandidati Laburisti fuq ir-Raba’ Distrett hi waħda ħarxa ħafna u maqsuma f’numru ta’ fazzjonijiet. Hemm il-fazzjoni tad-Deputat Mexxej Chris Fearne li qed taqdef għal rasha għaliex taf li għandha sisien sodi fuq dan id-Distrett, iżda mbagħad hemm il-fazzjonijiet tal-Ministru Byron Camilleri u tal-Eks Ministru Konrad Mizzi, l-Eks Segretarju Parlamentari Silvio Parnis u t-Tabib Etienne Grech li t- tlieta li huma mhux se jkunu qed jikkontestaw din l-elezzjoni ġenerali u allura hemm taqbida kbira għal din il-firxa ta’ voti.

Amanda Spiteri Grech tista’ tkun ta’ xkiel serju wkoll anki għall-Ministru Byron Camilleri li jaf li fuq dan id-Distrett se jsir vot qawwi ta’ sfiduċja kontra tiegħu minn familjari ta’ priġunieri u anki minn familjari ta’ Uffiċjali tal-Ħabs għall-mod kif quddiem il-falliment fit-Tmexxija tal-Ħabs baqa’ litteralment gallarija u ċass.

Imma l-inqas li Byron Camilleri kien qed jistenna kien li l-Eżekuttiv tal-Partit Laburista japprova l- kandidatura ta’ Amanda Spiteri Grech li qed taħdem qatigħ fuq id-Distrett u mhix titlef opportunità waħda li tidher fuq il-media soċjali. Saħansitra rnexxielha tindirizza l-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista li saret fil-jiem li għaddew u assigurat l-akbar pubbliċità possibbli.

Dak li qed jinkwieta bis-sħiħ ukoll lil Byron Camilleri hu li Amanda Spiteri Grech qed tuża temi soċjali u umani biex tilgħab fuq l-emozzjonijiet… b’mod partikulari tan-nisa u hawnhekk Byron Camilleri qed ikun impinġi f’dell skur.

Fi ftit kliem fuq ir-Raba’ Distrett il-qasma bejn il-kandidati Laburisti mhux biss hi kbira, iżda tinħass tassew b’tensjoni partikulari bejn il-kanvassers ta’ Glenn Bedingfield u dawk ta’ Byron Camilleri għaliex it-tnejn li huma jidher li għandhom ħafna x’jitilfu… b’mod partikulari tal-ewwel li ma jinżilx tajjeb mal- magna ta’ Robert Abela, filwaqt li tat-tieni hu b’idejh marbuta jara l-voti tiegħu jitnaqqrulu!

Fl-isfond ta’ kollox jidher li fehem kollox id-Deputat Laburista Jonathan Attard li filwaqt li qed iżomm profil baxx, qiegħed joqgħod attent li ma jurtax lill-votant Laburista fuq id-Distrett biex jakkwista voti kemm jista’ mill-voti mogħtija lill-Eks Membri Parlamentari Laburisti li mhux se jikkontestaw l-elezzjoni ġenerali.

Għaliex fiha nnifisha din hi fazzjoni oħra fuq ir-Raba’ Distrett u Jonathan Attard – meqjus ukoll bħala l- persuna li tista’ tieħu post Edward Zammit Lewis li hu mgħobbi b’ħafna allegazzjonijiet serji – hu meqjus ukoll bħala alliev ta’ Robert Abela.

Jonathan Attard, li reċentement ingħata siġġu parlamentari billi kien co-opted minflok il-kirurgu Jo-Etienne Abela li tħalla l-art, qed jaħdem għal dawk il-voti tal-Laburisti li huma favur Robert Abela u kontra Joseph Muscat. Mhux biss iżda qed inaqqar ukoll mill-voti ta’ Byron Camilleri billi tal-aħħar qedikun proġettat bħala Ministru dgħajjef għaliex il-priġunieri ħaqqhom trattament ferm differenti milli Byron Camilleri qed jippermetti li jingħataw.

Jonathan Attard hu konxju mill-fatt li fid-Distrett hemm rabja kbira għal Byron Camilleri li ħalla lid-Direttur tal-Ħabs Alexander Dalli jirkiblu fuq rasu bil-vittmi jkunu l-istess priġunieri u l-istess Uffiċjali tal-Ħabs li mhumiex widna. Għalhekk, b’mod sottili ħafna, Jonathan Attard qed jaħdem din l-għalqa wkoll biex jassigura li mid-Distrett jitla’ b’ċertu saħħa.

F’din il-kobba mħabbla qed jilgħab logħba moderata u sottili wkoll id-Deputat Laburista Oliver Scicluna li jimmilita fil-kamp tal-persuni b’diżabbiltà. Oliver Scicluna jaf li għandu l-appoġġ tal-magna ta’ Robert Abela u jaf li din tista’ tkun influwenti fil-konfront tiegħu, iżda xorta jemmen li jrid jirsisti għall-voti u għalqa fertili għalih tista’ tkun ta’ voti Laburisti li fl-aħħar elezzjoni ġenerali kienu ngħataw lil Membri Parlamentari li għal raġunijiet varji mhux se jikkontestaw din l-elezzjoni.

Fuq l-istess Distrett Elettorali hemm kandidati oħrajn inqas influwenti, bħan-Nutar Joe Cilia li qed jipprova jagħmel come-back wara dak li għadda minnu fis-snin li għaddew. Illum il-ġurnata Joe Cilia tilef ħafna mill-popolarità li kellu u l-kollegi kandidati l-oħra Laburisti fuq l-istess Distrett Elettorali anqas biss jikkalkulawh.