Il-Gvern ta’ Robert Abela daħal fiċ-ċirku vizzjuż li mhux kapaċi jwieġeb u jsib soluzzjoni għall-isplużjoni fil-prezzijiet tal-aktar affarijiet essenzjali tal-ħajja ta’ kuljum. Illum taħt il-Gvern ta’ Robert Abela – taħt il-Labour – qed jogħla kollox bl-aktar milquta dawk li ma jifilħux, u li d-dħul tagħhom jew il-pensjoni ma sservihomx sal-aħħar tax-xahar. Jirriżulta li f’Lulju li għadda, fuq rata annwali l-prodotti tal-ikel għolew bi 3.37 fil-mija – żieda qawwija ħafna u li tolqot l-aktar lil dawk bi dħul baxx jew li l-paga diġà tkun mhux qed isservihom sal-aħħar ġurnata tax-xahar. Affettwati l-aktar dawk li jonfqu madwar nofs ta’ dak li jdaħħlu fuq l-ikel. Dak li qed nesperjenzaw illum fiż-żieda qawwija tal-għoli tal-ħajja, kien seħħ ukoll lejn fl-aħħar tal-2019.
Dakinhar il-prezzijiet tal-ikel f’Malta kienu żdiedu b’rata d-doppju tal-medja Ewropea. Illum, is-sitwazzjoni hi aktar inkwetanti quddiem gvern li ma jimpurtahx. Mhux iħoss il-polz tal-familji u l-pensjonanti u qiegħed jevita li jammetti li pajjiżna għandu problema oħra mal-ħafna li diġà huma reali – dik tal-għoli tal-ħaja u li ħafna mhumiex qed ilaħħqu mal-ħajja. Fl-aħħar ġimgħa, aktar ministri u membri fil-Kabinett ta’ Robert Abela qegħdin jevitaw jew jiċħdu li hawn splużjoni fil-prezzijijet tal-aktar affarijiet essenzjali għal kull familja. Fuq in-naħa l-oħra tal- munita, il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana qed jixħet il-ħtija u t-tort fuq il-Brexit u wkoll fuq l- effetti li kkawżat il-pandemija dinjija.
It-twissijiet lill-Gvern biex pajjiżna jibqa’ kompetittiv ġejjin minn diversi għaqdiet u korpi li qed jaraw quddiem għajnejhom il-ħajja togħla u l-ispejjeż jikbru mingħajr ebda kontroll jew ebda intervent. Qed joħolqu pressjoni fuq il-Gvern ta’ Robert Abela biex il-pjaga tal-għoli tal-ħajja tiġi indirizzata bi prijorità fil-budget li se jitressaq mill-Gvern fi ftit ġimgħat oħra. Il-Gvern ta’ Robert Abela jrid jirreaġixxi u jieħu azzjoni għall-isfidi quddiemna taż-żieda internazzjonali fil-prezzijiet taż-żjut u l-gass. Sitwazzjoni li qed tikkomplika aktar quddiem gvern li ħalla d-deficiet jisplodi u li jaf ikompli jikkomplika s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ pajjiżna. Fatturi oħrajn li kulħadd qed jarahom, ħlief il-Gvern, huma l-ispejjeż tat-trasport bil-baħar li żdiedu b’rata qawwija u li qed jaffettwaw ukoll lin-negozji. Żdiedu wkoll il-prezzijiet tal-mediċina li l-aktar li taffettwa huma lill-anzjani u pensjonanti.
Jekk għal Robert Abela u l-ministri tiegħu l-għoli tal-ħajja mhix prijorità, għal ħafna familji bi dħul baxx din hi problema ta’ kuljum u jħabbtu wiċċhom magħha kuljum. Statistika Ewropea għas-sena 2020 turi li aktar minn 80,000 persuna f’Malta ma jaffordjawx spejjeż żejda li ma jkunux ippjanati. Stħarriġ li tmexxa mill-MISCO fl-aħħar ġimgħat wera li fl-aħħar tliet snin il-ħajja għoliet għal 86 fil-mija tan-nies.
Dan qed ikompli jikkumplika l-ħajja ta’ ħafna hekk kif il-pagi baqgħu fl-istess livell. Esperti fil-qasam finanzjarju li tkellmu ma’ Il-Mument sostnew fl-aħħar jiem li anke f’setturi ta’ xogħol fejn il-pagi kienu ftit tas-snin ilu meqjusa bħala b’saħħithom, ukoll ma jistgħux jibqgħu joffru l-istess kundizzjonijiet ta’ xogħol b’ħafna huma dawk li qed inaqqsu fl-impjiegi waqt li m’hemmx lok aktar għal kundizzjonijiet aħjar.
Għal din is-sitwazzjoni, qalu l-istess esperti fis-settur, hemm diversi raġunijiet u li l-gvern irid jindirizza llum qabel għada għax ukoll hu konxju minnhom, jekk ma rridux nibqgħu naqgħu lura bil-problemi jkomplu jiżdiedu u jeskalaw.
//= $special ?>