Futbol Sport

Lazio jirbħu d-derby tal-kapitali

(Ritratt: EPA)

Fi Stadio Olimpico Lazio rebħu l-ewwel derby tal-kapitali tal-istaġun hekk kif għelbu li Roma bl-iskor ta’ 3-2. Lazio marru fil-vantaġġ fl-10 minuta meta minn cross ta’ Felipe Anderson kien Sergej Milinkovic-Savic li bir-ras tefa’ fix-xibka. Lazio rduppjaw disa’ minuti wara meta minn pass ta’ Ciro Immobile kien Pedro Rodriguez li kkonkluda fix-xibka. Roma naqqsu d-distakk fil-41 minuta meta minn corner ta’ Jordan Veretout kien Roger Ibanez li tefa’ fix-xibka bir-ras. Madanakollu Lazio skorjaw it-tielet gowl fit-63 minuta meta minn pass ta’ Immobile, din id-darba kien Felipe Anderson li kkonkluda fil-lasta. Roma skorjaw it-tieni gowl tagħhom minn penalty permezz ta’ Jordan Veretout, liema gowl ma kienx biżejjed biex jiksbu xi ħaġa minn din il-partita.

Fl-Allianz Stadium Juventus kisbu rebħa missielta ta’ 3-2 kontra Sampdoria għat-tieni rebħa tagħhom dan l-istaġun. It-tim immexxi minn Massimiliano Allegri fetħu l-iskor fl-10 minuta b’xutt mid-distanza ta’ Paolo Dybala. Juventus iroppjaw fit-43 minuta minn penalty ta’ Leonardo Bonucci. Minkejja dan Sampdoria naqqsu d-distakk minuta qabel tmiem l-ewwel taqsima, meta minn cross ta’ Antonio Candreva kien Maya Yoshida li bir-ras tefa’ fix-xibka. Juventus skorjaw it-tielet gowl fis-57 minuta meta minn pass ta’ Dejan Kulusevski kien Manuel Locatelli li kkonkluda fix-xibka. Madanakollu, Sampdoria daħlu fil-partita fit-83 minura meta minn pass ta’ Adrien Silva, kien Antonio Candreva li kkonkluda, liema gowl ma kienx biżejjed biex Sampdoria jieħdu punt minn din il-partita.

Fi Stadio Diego Armando Maradona Napoli kisbu rebħa ta’ 2-0 kontra Cagliari u telgħu fl-ewwel post tal-klassifika, bi 18-il punt minn sitt partiti. Huma fetħu l-iskor fil-11-il minuta minn pass ta’ Piotr Zielinski kien Victor Osimhen li kkonkluda fix-xibka. Huma rduppjaw fis-56 minuta meta r-referee ornda penalty għal foul ta’ Diego Godin fuq Victor Osimhen, b’Lorenzo Insigne jiksorja mill-ħdax-il metru.

SERIE A

Ilbieraħ Spezia v Milan 1-2, Inter v Atalanta 2-2, Genoa v Verona 3-3 Ilum
Juventus v Sampdoria 3-2, Udinese v Fiorentina 0-1, Sassuolo v Salernitana 1-0, Empoli v Bologna 4-2, Lazio v Roma 3-2, Napoli v Cagliari 2-0 Għada Venezia v Torino 8.45pm