Futbol Sport

Luqa jissorprendu

Chris Cassar

LUQA SA. …………………….. 2

PIETA H. ……………………… 0

Luqa SA: P. Villar Flores, J. Camilleri, K. Olowoyo, L. Sciberras, S. Grech, M. Farrugia, M. Dominicius, R. Schembri, K. Degiorgio, D. Grima, L. Nwaogu.

Pieta H: R. Cini, S. Okoh, S. Mizzi, M. Portelli, J. Ghio, T. Iida, P. Lapira, D. Grima, Z. Leonardi, J. Scicluna, N. Inacio.

Referee: Daniel Casha

Luqa SA wettqu sorpriża meta għelbu lil Pieta b’gowl f’kull taqsima biex taw l-ewwel telfa tal-istaġun lill-Hotspurs. Kienet logħba ferm tajba u akkanita bit-tim ta’ Pieta jfalli zewġ ċansijiet tad-deheb fl-ewwel kwarta u bit-tim ta’ Luqa li jmur fil-vantaġġ qabel l-intervall.

Fit-tieni taqsima Pieta attakkaw bla heda iżda kwarta mit-tmiem f’azzjoni ta’ kontrattakk Luqa għalqu l-logħba bit-tieni gowl.

Luqa kellhom bidu tajjeb fejn fl-ewwel minuti ppressaw lid-difiża ta’ Pieta li dehret f’paniku, iżda wara ftit minuti Pieta bdew jidħlu iktar fil-logħba u jikkontrollaw aħjar u kienu huma l-iktar perikolużi b’żewġ ċansijiet tad-deheb falluti minn Lapira u Ghio li mill-kaxxa ż-żgħira għamlu l-impossibli u xeħtu għoli.

Fit-28 minuta opportunita’ għal Luqa bix-xutt ta’ Kieran Degiorgio jmur ftit għoli. Fl-40 minuta Julian Camilleri għal ftit ma kkommettiex awtogowl f’attentat li jikklerja u minuta wara xutt mill-isbaħ bid-dawra ta’ Iida għadda ftit barra.

Eżatt fil-45 minuta Luqa fetħu l-iskor, gowl verament tajjeb bi kross mix-xellug lejn Lydon Sciberras li b’daqqa ta’ ras stupenda ma ta l-ebda ċans lil Cini jsalva.

Fit-tieni taqsima Pieta assedjaw lill-avversarji li ngħalqu fid-difiża jistennew l-attakki kontinwi ta’ Pieta. Pieta kienu sfortunati fis-67 minuta meta xutt ta’ Morita stampa mal-mimduda. Kwarta mit-tmiem Pieta inqabdu fuq sieq waħda u s-sostitut Joshua Micallef, li kien għadu kif daħal tliet minuti qabel, antiċipa l-ħarġa ta’ Cini u kompla għal ġewwa bir-ras.

Pressjoni sterili ta’ Melita

MELITA …………………. 0

MQABBA ………………. 0

Melita: R. Caruana, M. Debattista, M. Cachia, J.P. Attard, A. Attard, A. De Barros, J. Abela, N. Rizzo, C. Baker, C. Babilonia, E. Herrera.

Mqabba: C. Abdilla, A. Cilia Mumford, G. Mannino, L.J. Abela, L. Mijic, R. Spiteri, J. Azzopardi, J. Busuttil, J. Vella Critien, R. Melo Costa, L. Musu.

Referee: Ezekiel Barbara

Melita kellhom jikkuntentaw b’punt minn dan il-konfront kontra Mqabba, konfront li Melita attakkaw għal ħinijiet twal speċjalment fit-tieni taqsima, iżda minkejja dawn l-attakki ma rnexxielhomx jinfdu d-difiża avversarja.

Fil-verita’ minkejja li attakkaw għal ħinijiet twal l-azzjonijiet perikolużi minn naħa ta’ Melita kienu ftit, anzi ftit ħafna bl-ikbar periklu jkun minn kross shot li ħabat mal-lasta. Minn naħa ta’ Mqabba punt importanti għalihom iżda l-prestazzjoni tat-tim immexxi minn Goran Aadamovic kienet waħda pjuttost deludenti u nieqsa minn ideat speċjalment fl-attakk.

L-ewwel taqsima ftit offriet azzjonijiet denji bit-tim ta’ Melita xi ftit iktar aggressiv u avventuruż iżda azzjonijiet ta’skor tista’ tgħid li ma kienx hemm.

Fil-ftuħ tat-tieni taqsima l-ewwel periklu minn naħa ta’ Melita b’azzjoni ta’ Rizzo u xutt imdawwar għal korner minn Abdilla. Mill-istess korner Debattista minn viċin il-bandiera ra x-xutt tiegħu jaħsad lill-goalkeeper Abdilla iżda l-ballun spiċċa mal-lasta.

Mas-siegħa logħba risposta ta’ Mqabba bix-xutt fil-baxx ta’ Mijic salvat minn Caruana.