Il-klikka ta’ Robert Abela fil-PBS kellha sajf impenjat ħafna. Wara li fl-2020 Robert Abela kien wiegħed speċifikament riforma sħiħa fil-PBS bħala x-xandir tan-nies, issa Robert Abela qed ibiddel lil TVM, TVM2 u tvm.com.mt f’magna ta’ propaganda qawwija li ddoqq il-messaġġ tiegħu f’kull ħin tal-ġurnata.
Minbarra l-eluf kbar ta’ ewro mill-flus tan-nies li qed jonfoq fir-riklami fuq il-media soċjali u fuq l-istazzjonijiet televiżivi, il-gvern ta’ Robert Abela qed iberbaq flus il-poplu wkoll f’ruxxmata riklami ta’ propaganda Laburista fuq ix-xandir pubbliku bl-iskuża tal-pandemija jew tal-baġit 2022, jew bl-iskuża ta’ proġetti ta’ interess pubbliku.
Pereżempju qed jonfoq flus in-nies biex ifakkarna nużaw il-vawċers tal-gvern: proposta sempliċi iżda eċċellenti li kien għamel il-Partit Nazzjonalista fl-2020, u li l-Labour kien waqqagħha għaż-żufjett u wara ftit ħareġ jgħid li kienet idea tiegħu u se jimplimentaha.
Dawn ir-riklami ta’ propaganda Laburista, imżejnin b’filmati u uċuħ sbieħ, mhux biss qed jintwerew b’roster u f’kull ħin tal-ġurnata, iżda saħansitra qed jiddominaw il-kwarta ta’ qabel l-aħbarijiet, ir-riklami ta’ nofs u wara l-aħbarijiet, u r-riklami tul l-ewwel programm ta’ filgħaxija.
Minbarra l-programmi ta’ propaganda Laburista f’ċerti ħinijiet tal-ġurnata, il-klikka ta’ Robert Abela trid li dawn jiġu kkumplimentati b’riklami ta’ propaganda Laburista maħsubin apposta biex inisslu ċertu feel-good factor fost l-elettorat Malti. U dawn kollha huma mħallsin mill-elettorat Malti stess. Minn butna.
L-iskeda l-ġdida ħadmuha bizzilla l-klikka ta’ Robert Abela biex taqdi l-ħtiġijiet tiegħu u tal-Ministri tal-qalba. Infatti riedu li l-programmi ta’ diskussjoni politika jmorru kważi kollha fuq stazzjon ġdid li se jieħu post TVM2 u li żgur mhux se jilħaq l-udjenzi ta’ TVM. Dan bl-iskop ċar biex lejliet elezzjoni ġenerali, id-diskussjoni politika ma tingħatax prominenza daqs qabel u n-nies ma titħalliex titkellem daqs qabel fuq dak li jkun għaddej fil-pajjiż, u biex TVM ikun aljenat ixandar biss programmi tad-divertiment u drama.
Bi strateġija moħmija mill-klikka ta’ Robert Abela fil-PBS, inħoloq tvmnews+ biex l-eks preżentaturi jew l-eks ġurnalisti tas-superone ikollhom programm kuljum ta’ diskussjoni politika fl-aqwa ħinijiet tal-ġurnata u b’hekk ikunu jistgħu jxandru l-messaġġ li jridhom iwasslu Robert Abela bi flus in-nies. Dan fuq il-mudell li juża seħibhom Karl Stagno Navarra kull filgħaxija fuq is-superone, programm li jeħodlu għaxar sigħat kuljum biex jippreparah minkejja li għandu impjieg imħallas minn butna mal-Air Malta.
Min-naħa l-oħra, l-istazzjon ewlieni tan-nies – TVM – se jsir stazzjon kummerċjali mingħajr spazju biżżejjed għad-diskussjoni politika jew għall-Oppożizzjoni Nazzjonalista biex twassal il-messaġġ u l-proposti tagħha lin-nies.
//= $special ?>