Lokali

Maratona ġbir ta’ fondi b’risq Dar Bjorn

€926,000 hija c-cifra li hemm bzonn biex fl-aħħar il-ħolma ta’ Bjorn issir realtà… dik li f’Malta jkun hawn it-tieni dar għal pazjenti bl-ALS.

Kien għalhekk li l-Ħadd saret maratona ta’ 12-il siegħa, bil-flus miġbura se jkunu qegħdin imorru kollha biex tkun tista’ tinfetah t-tieni Dar Bjorn b’Ħaż-Żebbuġ.

Din id-dar mistennija li tkun tesa 650 metru kwadru u se tkun mifruxa fuq seba’ sulari. F’din il-faċilità hemm pjanat li jkun hemm ‘il fuq minn 30 sodda, pool fuq ġewwa, kafetterija, u kliniċi, fost l-oħrajn.

Dan il-proġett se jiġi jiswa mal-€5 miljun. Fl-aħħar tliet snin inġabru fuq €4 miljun u b’hekk baqa’ inqas minn miljun ewro biex tintlaħaq il-mira.

Bjorn kien beda ALS Malta sitt snin ilu fejn għal dawn l-aħħar snin ħadem biex jgħin lil pazjenti biex jgħixu ħajja aħjar.

Fl-2017, l-ewwel dar ġiet inawgurata f’Ħal Qormi iżda sfortunatament din kienet wisq żgħira biex tofri sostenn għal kull pazjent li qed isofri minn problemi newroloġiċi.

Kien għalhekk li t-tim ta’ Bjorn bdew jaħsbu għat-tieni dar, bil-ħolma tagħhom waslet biex issir realtà.