Futbol Sport

Naxxar ikomplu għaddejjin b’rebħa oħra

Chris Cassar

Naxxar ………………..2

Lija  …………………….0

Naxxar: O. Borg, A. Azzopardi, GC Martins Leite, M. Mifsud, E. Cerqueira Farias, J. Debono, RG Cassar, J. Ellul, D. Fenech, A. Galea, DC Kassekar

Lija: L. Bonnici, CJ Cassar, L. Muscat, D. Scerri, JP Oliveira Santos, L. Xuereb, C. Mc Allister, B. Farrugia, K. Borg, X, Giordimaina, R. Do Nascimento

Referee: Aleksandar Jovanovic

Naxxar komplew il-mixja trionfanti tagħhom dan l-istaġun b’rebħa fuq Lija, biex għamluhom tliet rebħiet minn tliet partiti, biex żammew posthom fil-quċċata tal-klassifika b’punti massimi. Il-partita kellha ritmu baxx ħafna u kienet waħda kkaraterizzata minn sensiela kontinwa ta’ fawls, li matulha intwerew xejn inqas minn tmien karti sofor.

Naxxar marru fil-vantaġġ wara 24 minuta logħob permezz ta’ Gilberto Carrara, li wara li rċieva mingħand Jurgen Debono, qabeż żewġ avversarji u qabbeż il-ballun minn fuq il-gowlkiper Bonniċi. Ir-risposta ta’ Lija kienet immedjata, u marru ferm viċin il-gowl tad-draw tmien minuti wara, hekk kif ix-xutt ta’ Santos minn freekick dirett minn tarf il-kaxxa ħabat mal-mimduda.

L-andament tal-logħob kien kwiet ħafna għal ħinijiet twal fit-tieni taqsima. L-aħħar għaxar minuti logħob kienu movimentati ħafna. Fil-81 minuta, Brooke Farrugia rċieva t-tieni karta safra tiegħu biex Lija spiċċaw b’raġel inqas. Fl-istess kommozzjoni, il-kit manager ta’ Lija, Larken Micallef, li kien fuq il-bank tas-sostituti, intwera il-karta ħamra wkoll.

Naxxar marru viċin li jagħlqu l-partita żewġ minuti mit-tmiem, meta s-sostitut Saldanha ħarab lid-difensur ta’ Lija, u qabeż anke lill-gowlkiper Bonniċi, iżda f’lasti vojta, ix-xutt tiegħu ħabat mal-lasta. L-isforzi tagħhom ġew ippremjati u Naxxar għalqu l-logħba minuta wara, meta Mead Mifsud għadda ballun tajjeb ħafna lejn Jurgen Debono, li minn pożizzjoni angolata, sab ir-rokna tax-xibka.

L-ebda gowl f’logħba fqira

Żejtun ………………….. 0

San Gwann …………. 0

Żejtun C: C. Cassar, D. Agius, C. Borg, J. Cloth Gonclaves, R. Sgaria Farias, C. Grech, G. Bugeja, C. Da Silva Barbosa, C. Degabriele, D. Xuereb, J. Farrugia.

San Gwann: C. Formosa, K. Bartolo, J. Micallef, J.P. Attard, L. Mallia, S. Loshi, N. Radojevic, S. Kuyper, A. Zammit, J. Omoruanzoje, G. Pace.

Referee: Andrea Sciriha

Żejtun u San Gwann kisbu punt kull wieħed f’logħba verament fqira speċjalment fl-ewwel parti tagħha. Ir-riżultat ta’ mingħajt gowls jagħti stampa ċara ta’ dak li seħħ tul id-90 minuta fejn ħafna iktar kien mistenni minn dawn iż-żewġ naħat li qed jimmiraw għall-postijiet ta’ quddiem.

Żejtun kienu xi ftit aħjar mill-avversarji li minn naħa tagħhom iddefendew tajjeb biex kisbu punt importanti. Fl-ewwel 45 minuta ma kellna l-ebda azzjoni denja bit-tim ta’ Żejtun ikollu xi ftit iktar pussess iżda qatt ma nkwieta lill-goalkeeper Formosa.

Fit-tieni taqsima kien hemm ftit iktar moviment u xi azzjonijiet taħt il-lasta fejn fit-63 minuta daqqa ta’ ras ta’ Grech kienet salvata b’diffikulta minn Formosa. Fil-71 minuta l-unika konklużjoni perikoluża ta’ San Gwann bix-xutt ta’ Andrea Zammit jgħaddi ftit għoli.

Għaxar minuti mit-tmiem opportunita f’saqajn Sgaria Farias iżda Formosa salva tajjeb u fis-86 minuta l-aħħar ċans għaż-Żwieten iżda Tounkara spara għoli minn qagħda angolata.

Gowl kmieni ta’ Castano jiddeċiedi l-logħba

Senglea ……………. 0

Swieqi ……………….. 1

Senglea A: J. Pisani, J. Sultana, M. Ablett, L. Mallia, A. Tenorio, D. Claridge, O. Magro, L. Mancuso, N. Grech, T. Tanti, K. Vella.

Swieqi U: J.C. Debattista, J. Magri Overend, N. Borg, K. Sultana, J. Willy, J. Castano, A. Schembri Wismayer, M. Micallef, F. Temile, J. Azzopardi, D. Fava.

Referee: Glen Tonna

Gowl wara sitt minuti skorjat minn Johan Castano kien biżżejjed biex Swieqi kisbu tliet punti diffiċli kontra Senglea li minkejja li sofrew it-tielet telfa konsekuttiva, lagħba l-aħjar logħba tagħhom u kien jimmerithom li tal-inqas jieħdu punt minn dan il-konfront. Il-logħba kienet ferm akkanita u missielta biż-żewġ naħat ifallu penalty.

Bidu qawwi minn naħa ta’ Swieqi li wara tliet minuti laqtu l-lasta permezz ta’ Castano, bl-istess plejer ikollu mira aħjar tliet minuti wara meta għeleb lil Pisani minn pożizzjoni angolata. Fil-25 minuta l-ewwel opportunita’ għal Senglea iżda Claridge laqat il-ballun ħażin minn qagħda tajba.

Fis-36 minuta Senglea reġgħu resqu qrib b’xutt ta’ Larson Mallia salvat minn Debattista. Minuta mill-intervall Willy daħal tajjeb fil-kaxxa fejn twaqqa minn Ablett bir-referee jordna l-penalty iżda x-xutt mill-11-il metru ta’ Schembri Wismayer kien salvat minn Pisani.

Fl-64 minuta Senglea sfortunati meta xutt ta’ Larson Mallia ħabat ma’ sieq il-lasta. L-isforzi ta’ Senglea dehru li se jkunu ppremjati għaxar minuti mit-tmiem meta Sultana deher jiġbed lil Tenorio, bir-referee jordna t-tieni penalty tal-logħba, iżda anki dan il-penalty ma kienx sfruttat meta x-xutt ta’ Claridge kien salvat minn Debattista.

Tarxien isalvaw punt fl-aħħar

Żebbuġ …………… 2

Tarxien R. …………. 2

Żebbuġ: J. Azzopardi, S. Bugeja, T. Bartolo, Y. Tonna, M. Perez Jimenez, J. Silveira da Silva, S. Diacono, R. Vella, J. Sciberras, S. Miloskovic, GJ Gesualdi

Tarxien: J. Borg, FC Conceicao, R. Grech, M. Spiteri, D. Falzon, K. Cutajar, B. Muscat, S. Nanapere, M. Tabone, T. Nonato Peixoto, R. Silva Faria

Referee: Jo-Anna Vassallo

Żebbuġ mill-ewwel ħarġu fuq l-offensiva u marru fil-vantaġġ wara biss 10 minuti logħob. Kien Miloskovic li xeħet ballun f’nofs il-kaxxa, li ġie interċettat mill-captain Silveira da Silva, biex għeleb lil gowlkiper Borg b’xutt fil-baxx. Huma rnexxielhom jirduppjaw il-vantaġġ tagħhom fit-32 minuta permezz ta’ Travis Bartolo, li wara li rċieva pass lura mingħand Perez Jimenez, ħasad għal kollox lill-gowlkiper b’xutt mill-isbaħ minn tarf il-kaxxa.

Tarxien reġgħu daħlu fil-partita tliet minuti qabel il-mistrieħ. Kien Nanapere li seraq ballun fil-qalba tad-difiża ta’ Żebbuġ u għadda lejn Spiteri. Dan tal-aħħar reġa’ qassam mill-ewwel lejn Ricardo Silva Faria, li sab ir-rokna tax-xibka minn pożizzjoni ferm angolata f’tarf il-kaxxa.

It-tieni taqsima kienet waħda ferm bilanċjata, b’diversi ċansijiet ta’ skor fuq iż-żewġ naħat. Fit-63 minuta kienu Żebbuġ li marru viċin d-daqqa ta’ ras ta’ Silveira da Silva fuq freekick ta’ Tonna ġiet sakvata minn fuq il-linja mill-gowlkiper. Ħames minuti wara kienu Tarxien li ġew imċaħħda mill-gowl tad-draw, meta d-daqqa ta’ ras ta’ Nanapere ġiet interċettata mill-gowlkiper Azzopardi bl-għajnuna tal-lasta.

Il-qlub tal-plejers u l-partitarji ta’ Żebbuġ ġew maqsuma fir-raba’ minuta tal-ħin miżjud meta s-sostitut Ricardo Silva Faria ikkontrolla l-ballun tajjeb fil-kaxxa, u b’xutt mill-viċin bid-dawra sab ir-rokna tax-xibka, biex kiseb punt prezzjuż għal Tarxien.