Internazzjonali

Palestinjani maqtula waqt rejd fuq il-militanti fix-Xatt tal-Punent

L-Armata Iżraeljana, fl-aħħar sigħat, wettqet sensiela ta’ rejds kontra l-militanti fix-Xatt tal-Punent u li fihom inqatlu numru ta’ Palestinjani.

Dan meta r-rapporti, fl-aħħar sigħat, qalu li l-ġlied kien għadu għaddej qrib il-belt ta’ Jenin, fost ċirkustanzi xi ftit jew wisq inċerti.

Il-Prim Ministru Iżraeljan, Naftali Bennett, qal li l-qawwiet ta’ pajjiżu kienu qed iwettqu l-azzjonijiet militari kontra l-militanti tal-grupp Hamas li, min-naħa tagħhom, kienu qed iħejju l-attakki ġodda fuq Iżrael.

L-uffiċjali Iżraeljani, sadanittant, ma ħarġux iċ-ċifra eżatta tal-Palestinjani maqtula waqt ir-rejds, iżda l-lokalitajiet tal-vittmi jidhru li kienu Burqin, viċin Jenin u Biddu, ftit ‘il hinn minn Ġerusalemm.

L-Iżraeljani ilhom jinkwetaw li l-militanti Iżlamiċi tal-Hamas, li jikkontrollaw il-Medda ta’ Gaza, kapaċi jisfidaw serjament lill-Awtorità Palestinjana li qed tmexxi fix-Xatt tal-Punent – b’sitwazzjoni bħal din kapaċi tixpruna kriżi kbira tas-sigurtà fir-reġjun.

Dan meta t-tensjoni bejn Iżrael u l-Hamas ilha akuta sa mill-konflitt ta’ Mejju bejn l-Armata Iżraeljana u l-gruppi tal-militanti tal-Palestinjani f’Gaza. Il-konflitt kien dam għal 11-il jum – bir-riżultat li mietu 256 persuna f’Gaza u 13 oħra f’Iżrael.