Internazzjonali

Stati Uniti: Mejtin u midruba fi traġedja b’ferrovija tal-Amtrak

Mietu talanqas tliet persuni, b’għexieren oħra jweġġgħu, wara li ferrovija qabżet il-linji fl-Istat ta’ Montana.

Numru ta’ vaguni tal-ferrovija tal-passiġġieri ‘Empire Builder’, tal-kumpanija Amtrak, inqalgħu f’ħin meta l-ferrovija kienet waslet viċin il-belt ta’ Joplin. Uħud mill-vaguni spiċċaw maqlubin fuq il-ġenb, bl-affarijiet personali tal-passiġġiera jispiċċaw mifruxin mal-inħawi.

Intant, l-iskwadri għall-emerġenza li waslu fuq il-post damu s-sigħat jaħdmu biex jevakwaw lill-passiġġieri mill-ferrovija li kienet qed tivvjaġġa mill-belt ta’ Chicago lejn Seattle. Fuq il-ferrovija kien hemm 141 passiġġier u sittax-il ħaddiem man-network tat-trasport.

Fl-aħħar sigħat ukoll, in-National Transportation Safety Board tal-Istati Uniti bdiet investigazzjoni bir-reqqa dwar l-inċident bir-riżultati mistennija joħorġu fi kwistjoni ta’ jiem.