Lokali

Stedina lin-nies biex jingħaqdu mal-PN ħalli tassew ikollna l-bidla

Maratona ġbir ta' fondi nhar il-Ħadd li ġej

“Is-sejħa tal-PN hi għall-Maltin u l-Għawdxin kollha.”

Hekk stqarr il-Kap tal-PN Bernard Grech meta dalgħodu kien intervistat fil-Għargħur mill-ġurnalist Francesco Catania.

Fid-diskors tiegħu, Bernard Grech qal li s-sejħa tal-PN hi sejħa “biex uliedna u ulied uliedna jkollhom futur aħjar”. Għalhekk tenna li l-istedina hija għal dawk kollha li tassew iridu bidla għal pajjiżna.

Aktar kmieni dan ix-xahar, il-PN nieda s-sit kunilbidla.com sabiex jissaħħaħ il-kuntatt man-nies. Permezz ta’ din il-kampanja, il-pubbliku qed ikun aktar parteċipi fit-tfassil tal-politika tal-PN.

Il-kampanja toffri wkoll opportunità biex kull min mhux parti mill-PN, jingħaqad mal-PN, biex wieħed ikun jista’ jikkontribwixxi, biex f’pajjiżna jkun hawn il-bidla li tant hi meħtieġa.

“Pajjiżna jixraqlu ħafna aħjar”, stqarr Bernard Grech fl-intervista tal-Ħadd filgħodu fil-Għargħur.

Hu fakkar kif f’din is-sena kemm ilu jmexxi l-Partit Nazzjonalista saru tibdiliet kbar biex il-partit ikompli jissaħħaħ. Dan flimkien ma’ proċess qawwi ta’ tiġdid fl-istrutturi tal-PN.

Intant, il-Ħadd li ġej il-PN se jkun qed jorganizza maratona ġbir ta’ fondi biex il-partit ikun jista’ jkompli jwassal b’mod b’saħħtu l-messaġġ tiegħu għand in-nies.