Internazzjonali

Vot kruċjali għall-futur tal-Ġermanja

Il-poplu Ġermaniż għadu kemm ivvota f’waħda mill-aktar elezzjonijiet missielta għal snin u meta għadu kemm ħareġ exit poll li jindika li l-konservattivi ta’ Angela Merkel għandhom vantaġġ mill-aktar minimu fuq iċ-ċentru xellug ta’ Olaf Scholz, li hu l-Kap tal-SPD taċ-ċentru-xellug.

Intant, żgur li mhemm xejn deċiż fost l-istennija għall-ewwel riżultati kif ukoll għar-reazzjonijiet tal-kapijiet tal-partiti u l-kandidati rispettivi għar-rwol ta’ Kanċillier.

L-ewwel exit poll li ħareġ wara l-elezzjoni indika li ż-żewġ partiti ewlenin – jiġifieri l-alleanza tas-CDU u CSU alliance ta’ Merkel u l- SPD kienu spiċċaw ras-imb-ras, b’25 fil-mija tal-vot kull wieħed …..Iżda, ghalissa kollox ghadu indeciz, bil-kelliema għaċ-ċentru-xellug isostnu li huma kisbu mandat ċar biex imexxu lill-Ġermanja għall-erba’ snin li ġejjin. Jidher ukoll li l-Partit tal-Ħodor mar tajjeb f’din l-elezzjoni u hemm kull cans li jkun inkluż fi kwalunkwe Gvern futur ta’ koalizzjoni.

Iżda minkejja li l-ewwel indikazzjonijet irid jgħaddi ż-żmien sakemm il-Ġermaniżi jsiru jafu dwar il-formazzjoni konkreta tal-Gvern ġdid f’Berlin.

Dan għaliex il-partit rebbieħ ikun jeħtieġ li jifforma koalizzjoni u meta ftit jidher li hemm ċans li l-Ġermanja jkollha ‘grand coalition’ ieħor magħmul mill-Unjoni tas-CDU u s-CSU flimkien mal-Partit SPD, bħalma kien il-każ fl-aħħar snin.

F’din l-elezzjoni kienu eliġibbli biex jivvutaw ‘il fuq minn 60 miljun Ġermaniż li għandhom ‘il fuq minn 18-il sena.

Sadanittant, l-aħħar fażi ta’ qabel l-elezzjoni rat żvilupp interessanti bl-intervent ta’ Angela Merkel li qed tispiċċa minn Kanċillier tal-Ġermanja wara 16-il sena fit-tmun ta’ pajjiżha.Merkel ma ħallietx dubju li kienet qed tappoġġja lil Armin Laschet bħala l-kandidat ideali għal Ġermanja stabbli u bħala l-aħjar għażla għall-futur taż-żgħażagħ

Sadanittant, l-inċertezza kienet kbira fil-ġimgħat ta’ qabel l-elezzjoni u meta ‘il fuq minn terz tal-votanti Ġermaniżi ma kenux ċerti dwar fejn kellu jmur il-vot tagħhom. Madankollu, numru rekord ta’ Ġermaniżi, fl-aħħar jiem, laħqu bagħtu l-vot bil-posta – bil-President tal-Ġermanja, Frank-Walter Steinmeier, jenfasizza l-importanza li l-Ġermaniżi kollha jivvutaw biex jiddeċiedu l-futur tagħhom,

L-istħarriġ popolari ta’ qabel l-elezzjoni inbidel minn ġimgħa għall-oħra, bil-konservattivi tas-CDU u l-partit sieħeb tal-Bavarja CSU jieħdu vantaġġ inizjali, qabel ir-rimonta tal-Ħodor, segwita mill-ispinta tal-appoġġ għas-Soċjal Demokratiċi (SPD) ta’ Olaf Scholz.

Minn fost it-tliet kandidati li ikkuntestaw għar-rwol ta’ Kanċillier kien proprju Scholz li qajjem l-akbar entużjażmu fost il-Ġermaniżi għaliex ħafna kienu qed iħarsu lejn il-Viċi-Kanċillier ta’ Merkel bħala l-aktar kandidat li seta jiggarantixxi kontinwità fil-Gvern.

Il-bidliet fil-klima, intant, kienu issue ewlieni ta’ din l-elezzjoni li qed jinteressa ħafna lill-elettorat Ġermaniż u ilhom jidhru l-indikazzjonijiet li l-poplu għandu fiduċja fil-kapaċità tal-partiti kollha, mhux biss il-Ħodor, li jindirizzaw il-problema u jagħtuha l-priorità xierqa. Dan meta l-politiċi ewlenin tal-Ġermanja qed jirrikonoxxu l-ħtieġa li l-pajjiż iħaffef il-proċessi għall-enerġija rinovabbli.