Lokali

Abela jikkopja u jirriċikla l-proposti

Għax m’għandux idea kif iressaq proposti għall-ġid tal-Maltin u l-Għawdxin kollha, il-Prim Ministru Robert Abela qed ikompli jikkopja proposti tal-Partit Nazzjonalista, jirriċikla proposti li l-Labour stess ilu jagħmel għal diversi snin u minfuq, jagħmilhom tiegħu.

Konferma ta’ dan hu l-mod kif il-Prim Ministru stess ħabbar it-trakka għall-isportivi tal-karozzi u l-muturi, għalkemm fl-ebda ħin ma qal li l-Partit li jmexxi hu ilu jwegħedha lid-dilettanti għal 10 snin sħaħ – meta kien għadu fl-Oppozizzjoni, minn qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2013.

Pereżempju, fl-2012, il-predeċessur ta’ Abela – Joseph Muscat – kien wiegħed it-trakka matul il-laqgħa mad-dilettanti stess. Bl-istess mod li l-istess wegħda kienet inkluża fil-Programm Elettorali tal-Partit Laburista tal-elezzjoni tas-sena ta’ wara.

Disa’ snin wara dakinhar, il-Prim Ministru reġa’ laqqa’ lill-assoċjazzjonijiet biex iħabbar li t-trakka waslet biex tinbeda … mill-ġdid, ftit ġimgħat qabel elezzjoni ġenerali oħra. F’mossa li, dilettanti li tkellmu ma’ NET News spjegaw bħala karrotta li, mill-ġdid, il-Labour reġa’ qed jitfagħlhom quddiemhom.

Iżda mistoqsi dwar dan minn NET News, il-Prim Ministru xejn ma deher komdu bil-mistoqsija u allura, ħass li kellu jenfasizza li mhux il-każ. Fl-istess waqt, hu kkonferma li l-proposta tat-trakka waslet fl-aħħar jiem mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech.

Min-naħa l-oħra, il-Prim Ministru pprova jieħu l-mertu tal-għajnuna ġdida f’leave għall-missirijiet li tista’ tidħol fis-seħħ anke f’pajjiżna grazzi għall-MEP tal-Partit Nazzjonalista David Casa.

Fil-fatt, kien biss wara insistenza ta’ Casa li l-Gvern Malti se jkollu jagħti l-għajnuna lil dawn l-irġiel wara li l-Gvern Laburista dejjem irreżista li jdaħħal dan il-benefiċċju. Kien għalhekk li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech ippropona li – jekk ma jdaħħalx din l-għajnuna l-Gvern Laburista – ikun Gvern ġdid immexxi minnu li jdaħħal din l-għajnuna.