Internazzjonali

Covid-19: Pjani għall-ftuħ mill-ġdid ta’ Sydney

Fl-Awstralja tħabbru pjani lejn it-tmiem tal-lockdown fil-belt ta’ Sydney u li jsiru effettivi mix-xahar id-dieħel. Iżda waqt li l-awtoritajiet Awstraljani qed ikomplu jsegwu l-iżviluppi jidher li, ‘il quddiem, il-‘livell ta’ libertà akbar’ se jgħodd biss għan-nies li jkunu ħadu t-tilqima kontra l-Covid-19.

Ir-restrizzjonijiet għall-movimenti fl-Istat ta’ New South Wales – li jinkorpora l-belt ta’ Sydney – għandhom jitneħħew, gradwalment, mill-11 ta’ Ottubru u meta r-rata tat-tilqim għandha tilħaq is-70 fil-mija.

Il-Prim Ministru ta’ New South Wales, Gladys Berejiklian, ħabbret li t-tneħħija tar-restrizzjonijiet se tkompli anki fiż-żmien meta r-rata tat-tilqim fost il-poplu mistennija titla’ għal 80 u, ‘il quddiem, għal 90 fil-mija – b’dan it-tragward mistenni li jintlaħaq sal-bidu ta’ Diċembru.

Madankollu, in-nies li ma ħadux il-vaċċin sħiħ kontra l-Covid mhumiex se jitħallew jipparteċipaw f’numru ta’ attivitajiet soċjali – inklużi l-attivitajiet sportivi qalb il-komunitajiet. In-nies li ma tlaqqmux lanqas mhuma se jkunu permessi li jieklu fir-ristoranti jew iżuru l-kumplessi kummerċjali ‘qabel id-data finali tat-tilqim fuq kunċett tal-massa’.

Gladys Berejiklian qalet li ‘il-messaġġ sempliċi ta’ dan hu li kulmin jixtieq li joħroġ jiekol mal-ħbieb jew li jkollu l-mistednin id-dar irid jieħu t-tilqima sħiħa kontra l-Covid’

Il-belt ta’ Sydney ilha diversi ġimgħat fl-istat tal-lockdown attwali – l-istess bħall-bliet Awstraljjani prinċipali ta’ Melbourne u Canberra. Dan meta t-tliet ibliet inkwistjoni ntlaqtu kollha b’tielet mewġa ta’ infezzjonijiet mill-Covid-19.