Edukazzjoni Lokali

Djalogu u mhux s​arima: Sibu soluzzjoni fl-ahjar interess ta’ uliedna u tal-professjonisti tagħna

Fil-ġurnata tal-ftuħ tal-iskejjel il-Gvern qed jiġi ffaċċjat b’azzjonijiet industrijali mir-rappreżentanti tal-edukaturi. Huwa ċar li n-nuqqas ta’ pjan bil-quddiem u n-nuqqas ta’ djalogu mall-professjonisti tal-edukazzjoni, il-Ministeru tal-Edukazzjoni wassal għal ansjetá, rabja u konfużjoni fost l-għalliema.

F’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Kelliem għall-Edukazzjoni u l-Isport Clyde Puli u mill-kandidati għall-elezzjoni ġenerali Clifford Zahra Fenech u Julie Zahra intqal kif il-Ministeru tal-Edukazzjoni qiegħed jipprova jsolvi n-nuqqas ta’ 150 għalliem fil-klassijiet billi joħloq nuqqas ieħor f’servizzi importanti lill-istudenti bħal ma huma għalliema speċjalizzati fil-litteriżmu, sapport lill-studenti neqsin mis-smigħ, sapport lill-istudent fin-nurture class, sapport fl-isptarijiet u speċjalisti fis-suġġetti. Is-soluzzjoni ta’ ammont kbir ta transfers ftit sigħat qabel tibda l-iskola huwa frott ta’ paniku u mhux frott ta’ pjan serju.

Ritratt: Matthew Tabone

Il-Partit Nazzjonalista jappella għat-tfittxija ta’ soluzzjoni fl-aħjar interess tat-tfal u tal-professjonisti.  Is-soluzzjoni ghandha tinstab fid-djalogu u mhux bis-sarima tal-mandati u l-ħabi tal-informazzjoni. Dan ikun fl-ahjar interess ta’ uliedna.

Sfortunatament dak li l-Partit Nazzjonalista wissa dwaru xahar ilu seħħ. Dakinhar kien intqal li l-Gvern qiegħed tard ħafna fil-preparamenti tiegħu għall-ftuh tas-sena skolastika. Dakinhar konna appellajna lill-Gvern biex ma jitlifx aktar ħin u jippublika l-protokolli u l-linji gwida ta kif qed jippjana li jahdmu l-iskejjel f’din il-fażi tal-pandemija. Sfortunatament il-gvern baqa’ għaddej bil-lajma li kien għaddej biha.

Ritratt: Matthew Tabone

Il-Partit Nazzjonalista fakkar li Gvern Nazzjonalista:

  1. Jassigura hu li jkun hemm aktar rispett lejn l-edukaturi u lejn il-professjoni taghhom. U għalhekk wegħdna bidla radikali fil-paga.  L-opportunitajiet tal-karriera tal-għalliema jridu jitjiebu bil-kbir biex jirriflettu l-importanza tagħhom fis-socjeta’.
  2. It-tfal tagħna kollha jkollhom il-bidu tal-ħajja tagħhom bla diskriminazzjoni u bla xkiel. Għalhekk inkomplu nżidu it-teknoloġija digitali fl-Edukazzjoni. Dan permezz ta aċċess ghall-internet għal kulħadd u tablet jew laptop lil kull student tas-sekondarja ukoll. 
  3. Irridu nieħdu ħsieb is-saħħa mentali tat tfal tagħna. Għandna skejjel fejn għandhom nuqqas ta’ spazji miftuħa. Irridu li l-edukazzjoni tagħhom tkun aktar sħiha, f’ambjent aktar san, ambjent li jilqgħek u fejn wieħed iħossu komdu.
  4. Irridu skejjel moderni. Kollha nafu li fan idur go klassi mhux biżżejjed. Għalhekk irridu ninvestu f’pannelli fotovoltajiċi fuq il-bjut tal-iskejjel sabiex jipprovdu arja ikkondizzjonata lil kull klassi. 
  5. Fejn jidħlu t-tfal vulnerabbli u dawk b’diffikultajiet biex jitgħallmu rridu ntuhom l-importanza neċessarja. L-Irwol tal-Learning Support Educator u tal-għalliem huma fundamentali ħafna għal futur ta’ uliedna. Ma nistawx nergghu naċċettaw li dawn it tfal jintilfu fis-sistema bħal ma ġara waqt il pandemija. Għaldaqstant ninvestu bis-sħiħ biex kull kulleġġ u kull skola jkollha strutturi ta’ appoġġ ta’ professjonisti ghall-istudenti li jkunu għaddejjin minn sfidi b’mod aktar frekwenti.
Ritratt: Matthew Tabone