Filwaqt li l-PN jinnota b’sodisfazzjon numru ta’ għaqdiet ambjentali għaddew għandhom siti ta’ valur ambjentali u storiku f’diversi zoni f’pajjiżna, wieħed ma’ jistax ma’ jagħmilx aċċenn illi f’każijiet f’uħud minn dawn iż- żoni fl-aħħar snin mhux biss rajna telqa mill-Gvern iżda l-istess Gvern kien protagonist ewlieni fi ksur tal-liġi li fissret detriment u ħsara rreparabbli lill-ambjent f’pajjiżna.
Stqarr dan il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima, Robert Cutajar, fi stqarrija maħruġa t-Tnejn waranofsinhar.
F’Kemmuna pereżempju l-Gvern kien komdu li mhux biss wettaq xogħlijiet bla permess iżda li l-istess Gvern u min imexxi l-Awtoritá tal-Ippjanar sfidaw rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman u baqgħu għaddejjin b’xogħlijiet illegali f’żona protetta sempliċiment biex jiġu agevolati l-ftit kontra l-interess tal-ġid komuni. Deskritta bħala “ħsara irreparabbli” f’Kemmuna l-Ombudsman ikkundanna dawn ix-xogħlijiet liema kundanna fissret li l-Oppożizzjoni ingħatat raġun. Sal-lum ħadd mill-Gvern u mill-Awtorita tal-Ippjanar ma’ refa’ responsabilita għal din il-ħsara ambjentali.
Bħal fil-Park tal-Majjistral u siti oħra simili l-Gvern għażel li ma’ jipprovdix riżorsi umani u finanzjarji adegwati f’Park Rangers sabiex dawn il-postijiet jiġu mħarrsa mill-abbużi u ħsarat kif inhu sewwa u xieraq fil-jiem kollha matul is-sena kollha . Gvern Nazzjonalista ġdid se jkun qed jagħmel riforma bis-serjeta sabiex l-inġaġġ tal-Park Rangers ikun wieħed trasparenti, serju u li jkun mifrux f’kull wesgħa pubblika u msaġar li hawn f’kull Belt u raħal f’pajjiżna. Din ir-riforma se tkun qed tara li kull deċizzjoni tittieħed b’konsultazzjoni mal-partijiet kollha nvoluti u li bl-ebda mod mhi se tkun tfisser piż finanzjarju żejjed fuq l-istess għadiet ambjentali.
Se nkunu qed naraw li l-għaqdiet ambjentali mhux biss jingħataw aktar siti sabiex jiġu mmaniġġjati minnhom iżda wkoll li f’dawk eżistenti jingħataw fondi xierqa sabiex ikunu jistgħu jinżammu b’mod sostenibbli fl-aħjar stat possibbli għat-tgawdija tal-poplu Malti. L-Oppożizzjoni Nazzjonalista filwaqt li tirrikonoxxi l-ħidma mprezzabbli li qed jagħmlu l-għaqdiet ambjentali daqstant iehor tinsab determinata li dan ir-rikonoxximent ikun mmarkat bis-serjeta b’azzjonijiet u għajnuniet konkreti u mhux biss bi kliem fieragħ.
Il-Ministru Aaron Farrugia u sħabu l-ministri l-oħra għandhom l-obbligu u d-dmir li flok ikomplu jinsulentaw l-inteliġenza tal-poplu Malti jara li bis-serjetá li fejn jidħol il-ħarsien tal-ambjent f’pajjiżna jiddefendi l-interess tal-ġid komuni. Il-PN qed jagħti garanzija li fl-ambjent se jkun determinat aktar minn qatt qabel li jagħmel il-bidla tant mixtieqa b’intenzjoni ċara li jtejjeb il-kwalitá tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi u nħarrsu bis-serjetá l-ambjent għall-ġenerazzjonijiet preżenti u dawk futuri.
//= $special ?>