Edukazzjoni Lokali

Il-Gvern irid jagħmel sarima ma’ ħalq l-għalliema

Skont il-President tal-MUT Marco Bonniċi, il-Ministeru tal-Edukazzjoni qed jipprova jagħmel sarima ma’ ħalq l-edukaturi kif ukoll mal-MUT. Dan wara li fl-aħħar sigħat, il-Ministeru preżenta fil-Qorti mandat ta’ inibizzjoni kontra l-MUT, sabiex ixekkel lill-union milli tħares l-interessi tal-edukaturi.

“Il-Ministeru għamel mandat ta’ inibizzjoni kontrina u se jkun qiegħed ittelana l-Qorti biex iwaqqafna milli nagħmlu xogħolna. Aħna mhux ser niefqu u ser inkunu qegħdin niddefendu l-membri tagħna u d-dritt li tagħmel azzjonijiet industrijali.”

Wara li l-Ministeru tal-Edukazzjoni ilu xhur sħaħ jisħaq li għandu kollox ippreparat għall-ftuħ tas-sena skolastika, u wara insistenza mill-MUT mal-Ministeru sabiex dan il-pjan ikun magħruf u diskuss…. fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet ġie kkonfermat li numru sostanzjali ta’ klassijiet tal-Primarja ghadhom mingħajr għalliema.

Filfatt, is-Sibt li għadda numru ta’ għalliema li jagħtu servizzi lill-istudenti u li jinkludu għalliema speċjalizzati fil-litterizmu fost oħrajn, irċivew telefonata fejn ordnawlhom li millum dawn jiehdu klassi tal-Primarja, minflok joffru is-servizzi tagħhom kif għamlu fis-snin li għaddew. Dawn l-għalliema li m’humiex imħarrga sabiex jagħmlu dan ix-xogħol, ma ingħataw ebda għazla.

“Is-Sibt li għadda fi stat ta’ paniku mingħajr pjan, il-ministeru ħareġ transfer lil numru kbir ta’ għalliema biex jieħdu klassi tal-primarja mill-lum. Iġifieri dan la tagħhom ċans jippreparaw, la tagħhom ċans li jekk hemm xi ħadd minnhom li għandhom inġustizzja jindirizzawha… għax ipretenda li mill-ewwel u jidħlu fil-klassi tal-primarja. Dan mhuwiex aċċtabbli.”

Dan kollu…skont l-MUT….jikkonferma l-aġir opressiv tal-Ministeru tal-Edukazzjoni, illi lest li jagħmel ingustizzji mal-għalliema u li lest li jeqred servizzi sħaħ …biex issa l-istudenti spiccaw mingħajr sapport. U l-edukaturi tpoggew dahrom mal-hajt.

“Ma kellhomx għazla le u ma kellhomx lanqas mezz ta’ kif isibu ġistizzja għax aħna qed nitkellmu mis-Sibt għat-Tnejn… la aħna ma stajna ngħinuhom u lanqas aħna ma stajna nagħmlu xejn.”

Intant f’konferenza tal-aħbarijiet illi saret it-Tnejn stess, Frank Fabri s-segretarju permanenti għall-Ministeru tal-edukazzjoni saħaq li dan id-dewmin kollu u t-tkaxkir tas-saqajn hu kollu tort tal-MUT, filwaqt li l-Ministru għall-edukazzjoni Justyne Caruana kkonfermat li l-Ministeru għazel li jirikorri għall-proċeduri legali u jiftaħ mandat kontra l-MUT, minflok ma għazel rimedji oħra ta’ djalogu u rikonċiljazzjoni sabiex tissolvi din il-problema.

U minkejja li nhar l-Erbgħa l-istudenti mistennija li jirritornaw lura fl-iskejjel… għadu mhux car kemm ser ikun hemm klassijiet tal-primarja mingħajr għalliema għaliex filwaqt li l-Ministru Justyne Caruana kkonfermat li l-klassijiet huma kollha koperti .. l-MUT saħqet li għad hemm għexieren ta’ klassijiet fil-primarja li jinsabu mingħajr għalliema.