Lokali

Il-pjan tal-Ewropa fil-ġlieda kontra l-marda tal-kanċer

“Il-pandemija hija ezempju ta’ kif is-soċjetajiet jistghu jingħaqdu u jaħdmu flimkien lejn għan wieħed.”

Dan intqal mill-Membru Parlamentari Nazzjonalista Maria Deguara f’konferenza organizzata mill-Unjoni Ewropea li ffukat fuq il-pjan tal-Ewropa fil-ġlieda kontra l-marda tal-kanċer.

Maria Deguara saħqet li l-isfida globali li jmiss hija l-ġlieda kontra l-marda tal-kanċer fejn għal darb’oħra, l-kontribuzzjoni globali flimkien mal-għarfien huma l-ingredjenti essenzjali sabiex intejbu t-trattament u r-rizultat tal-kanċer għaċ-ċittadini kollha tal-UE.

Maria Deguara sostniet li l-aħħar studji li saru f’dan ir-rigward identifikaw l-aktar sorsi komuni li jikkawzaw din il-marda qerrieda, b’mod partikolari it-tniġġis tal-arja, in-nuqqas ta’ ezercizzju, il-konsum ta’ ikel li jaħmel ħsara lis-saħħa, stress, tipjip, alkohol u abbuz ta’ sustanzi, fost oħrajn.

Id-deputat Nazzjonalista Maria Deguara sostniet li l-ġlieda kontra l-marda tal-kanċer hija sempliċiment lil hinn mill-kapaċitajiet ta’ kwalunkwe individwu jew kwalunkwe nazzjon wieħed… Is-suċċess huwa biss garantit jekk kull stat li jifforma parti mill-UE jahdem flimkien bħala team wieħed għal għan wieħed komuni.

Id-deputat Nazzjonalista Maria Deguara esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għal fatt li hekk kif Malta riesqa lejn elezzjoni ġenerali, il-PN jinsab fuq quddiem bil-prezentazzjoni ta’ proposti li jitrattaw propju dan is-suggett.