Ambjent Lokali

“Il-PN kommess li jaħdem favur ambjent aħjar”

PN fil-Gvern se jkun qed jaħdem biex joffri ambjent aħjar, l-aktar fejn tidħol il-ġlieda ta’ pajjiżna kontra t-tibdil fil-klima.

Permezz tal-Whip tal-Grupp Parlamentari u l-kelliem tal-ambjent u t-tibdil fil-klima Robert Cutajar, kif ukoll il-kelliem għaż-żgħażagħ Karl Gouder il-PN it-Tnejn filgħodu ltaqa’ ma’ membri mill-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ – laqgħa li saret fid-Dar Ċentrali tal-PN.  

It-tema ewlenija ta’ din il-laqgħa kienet l-ambjent, u ma naqasx li jkunu diskussi l-proposti li nieda l-PN fl-aħħar ġimgħat, propju dwar l-ambjent.

Il-KNŻ min-naħa tiegħu qabel ma’ għadd ta’ proposti preżentati mill-PN, speċjalment dawk li jikkonċernaw is-siti ta’ Natura 2000, iż-żieda fl-ispazji miftuħa u anki l-ambjent marittimu.

Tul l-isess laqgħa  membri fi ħdan l-istess Kunsill taw anki l-ideat tagħhom dwar dan is-suġġett tant importanti.

Ġie diskuss ukoll fuq kif f’Ottubru se jkun qed jitlaqqa’ l-Parlament taż-żgħażagħ fejn tul dawn is-sessjonijiet iż-żgħażagħ se jqajmu t-tħassib u l-ideat tagħhom dwar l-ambjent.

Mill-ġdid il-PN tenna l-istedina tiegħu biex il-KNŻ u għaqdiet oħra jattendu għall-konferenza dwar it-tibdil fil-klima li se tkun mtella’ l-Erbgħa li ġej.

Tul din il-laqgħa attendew ukoll Bernice Bonello u Eve Borg Bonello illi irrapreżentaw lill-MŻPN u lil Team Start rispettivament.