Internazzjonali

L-elezzjoni fil-Ġermanja: L-SPD b’rebħa marġinali

Rebħa marġinali fil-Ġermanja għall-partit Soċjal-Demokratiku l-SPD. Dan wara li kiseb ammont akbar ta’ voti mill-partit li kienet tmexxi Angela Merkel, is-CDU.

L-SPD kiseb 25.7% tal-voti, filwaqt li l-blokk tas-CDU/CSU ġab 24.1%.

Dan ir-riżultat ifisser ukoll li l-SPD ikollha jagħmlu koalizzjoni biex jigvernaw.

Aktar kmieni

Ftit sigħat wara li għalqet il-votazzjoni għall-Parlament ġdid tal-Ġermanja, is-Soċjali Demokratiċi (SPD) taċ-ċentru-xellug qed  jidhru li għandhom vantaġġ minimu ħafna fuq il-Konservattivi ta’ Angela Merkel li qed tispiċċa minn Kanċillier wara sittax-il sena fit-tmun ta’ pajjiżha.

Fl-aħħar ħinijiet, Olaf Scholz, il-Kap tal-SPD u l-kandidat taċ-ċentru-xellug għar-rwol ta’ Kanċillier, qal li l-pajjiż kien ivvota għal bidla u li hu kien lest biex imexxi l-amministrazzjoni ġdida f’Berlin. Dan meta ma ħareġ l-ebda riżultat formali u meta l-Partit CDU fil-Gvern għadu ma qatax qalbu li jirrealizza t-tragwardi politiċi tiegħu.

Armin Laschet, il-kandidat tas-CDU għall-kariga ta’ Kanċiller u s-suċċessur magħżul ta’ Merkel, qed jgħid li hu wkoll irid imexxi l-Gvern li jmiss tal-Ġermanja – għalkemm, issa, qed jammetti li r-riżultati tal-partit tiegħu fl-elezzjoni ‘ma jirriflettux it-tamiet li kellu sa ftit ilu’.

Il-Partit tal-Ħodor spiċċa t-tielet fl-elezzjoni, bl-FDP federali jispiċċa eżatt warajh u meta t-tnejn qegħdin jidhru li marru aħjar milli kien imbassar għall-bidu.

U ladarba jidher li kwalunkwe partit li jirbaħ l-elezzjoni se jeħtieġ l-għajnuna ta’ żewġ partiti oħra għal Gvern ta’ maġġoranza, mistenni li t-taħditiet lejn Gvern ġdid ta’ koalizzjoni għandhom jieħdu fit-tul, fost id-diffikultajiet u l-intoppi li wieħed  jistenna.

Dan ukoll meta jistgħu jgħaddu l-ġimgħat sakemm insiru nafu biċ-ċert min se jkun il-Kanċillier ġdid tal-Ġermanja wara Angela Merkel.