Lokali Qorti

L-imġieba ta’ Edward Scicluna mhijiex tenibbli: Repubblika

Il-Gvernatur Edward Scicluna għandu jieħu d-deċiżjoni tal-lum bħala avviż ieħor li l-pożizzjoni tiegħu f’postijiet pubbliċi fejn imġiebtu tagħmel ħsara lil isem il-pajjiż, assolutament mhix tenibbli. Mid-deċiżjoni tal-Qorti tal-lum hu ċar li kien f’waqtu l-kumment li kien għamel Simon Busuttil li Edward Scicluna ma kienx postu bħala Ministru tal-Finanzi waqt li għaddejja inkjesta maġisterjali fuq l-imġieba tiegħu f’każ ta’ ħasil tal-flus.

Edward Scicluna, ma’ Chris Cardona u Konrad Mizzi, hu suġġett għal inkjesta li talbet Repubblika minħabba l-imġieba tagħhom fil-bejgħ ta’ tlett sptarijiet pubbliċi. Dan ħareġ fi stqarrija tas-soċjetà ċivili Repubblika wara s-sentenza mogħtija mill-Qorti li Edward Scicluna fetaħ huwa stess kontra Simon Busuttil, bl-eks Ministru jitlef il-kawża.

Meta Maġistrat iddeċiediet li tinfetaħ inkjesta, il-pożizzjoni t’Edward Scicluna bħala Ministru tal-Finanzi ma baqgħetx tenibbli. Il-Ministru tal-Finanzi għandu rwol kruċjali fil-kreddibiltà finanzjarja tal-pajjiż. Fil-Qorti, Edward Scicluna lmenta li l-kumment ta’ Simon Busuttil għamillu ħsara meta l-President tal-Kummissjoni Ewropea kienet qed tevalwa n-nomina tiegħu biex isir Kummissarju.

Minn dak inhar ‘l hawn Edward Scicluna ma baqax Ministru u ma sarx Kummissarju. Sar iżda il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali, rwol ieħor kruċjali biex Malta tibda tiġbor ir-reputazzjoni tagħha bħala ġurisdizzjoni onesta tas-servizzi finanzjarji.

Minflok għandna Gvernatur, li kif iddiskrivieh Simon Busuttil fit-tweet li dwarha saret din il-kawża, “hu mdaħħal f’investigazzjoni dwar il-ħasil tal-flus”.