Internazzjonali

L-Iżlanda mhix se jkollha Parlament b’maġġoranza ta’ deputati nisa

L-Iżlanda – kuntrarju għall-pronostiku oriġinali – mhix se tikteb paġna ġdida fl-istorja bħala l-ewwel Parlament fl-Ewropa b’maġġoranza ta’ deputati nisa.

Dan sar magħruf wara recount, fl-aħħar sigħat, li kkonferma li n-nisa rebħu 30 siġġu (47.6 fil-mija) ‘biss’ minn fost it-63 li kienu kkuntestati.

Għaldaqstant, il-pajjiż naqas milli jilħaq tragward storiku u wara li l-ewwel indikazzjonijiet (żbaljati) urew li n-nisa kienu rebħu 33 siġġu jew 52 fil-mija tar-rappreżentanza fl-assemblea ta’ Reykjavik.

L-ebda pajjiż Ewropew ma qatt qabeż it-threshold ta’ 50 fil-mija f’dak li jirrigwardja rappreżentanza tan-nisa fil-Parlament – għalkemm l-Iżvezja kienet waslet viċin dan it-tragward b’47 fil-mija.

Madankollu, ir-riżultati fl-Iżlanda jfissru li sitt nisa oħra kienu eletti fil-Parlament u li l-irġiel għad għandhom maġġoranza minima bħala rappreżenza.

L-Iżlanda, kuntrarju għal xi pajjiżi oħra, mgħandha l-ebda kwoti legali dwar ir-rappreżentanza tan-nisa fil-Parlament. Dan minkejja li numru ta’ partiti jirrikjedu li n-nisa jagħmlu tajjeb għal ammont minimu tal-kandidati.

L-Iżlanda ilha kkunsidrata bħala pajjiż li jagħti importanza kbira lill-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel. Fil-fatt, l-Iżlanda – permezz tal-aħħar rapport tal-World Economic Forum li ħareġ f’Marzu – spiċċat fl-ewwel post tal-Istati li jagħtu l-aktar importanza lill-kunċett ta’ gender equality għat-tnax-il sena konsekuttiva.

Sadanittant, ir-riżultati mill-elezzjoni tal-Ħadd fl-Iżlanda wrew li l-Gvern ta’ koalizzjoni magħmul mir-rappreżentanti tal-lemin u x-xellug – u li hu mmexxi mill- Prim Ministru Katrin Jakobsdottir – irnexxielu jżid il-maġġoranza fl-assemblea.

Madankollu, il-Partit tal-Ħodor Xellugi ta’ Jakobsdottir mistenni jitlef numru ta’ siġġijiet, waqt li s-sieħba tal-lemin fil-koalizzjoni qed jidhru li żiedu r-rappreżentanza tagħhom fil-Parlament b’ħames deputati. Is-sitwazzjoni, intant, qed tixħet dubju fuq il-futur ta’ Katrin Jakobsdottir bħala Prim Ministru tal-Iżlanda.