Futbol Sport

Mill-lejla jirritorna l-podcast ta’ Replay, b’xandira simultanja fuq Net FM u Facebook

Replay Post-Match

Wara nuqqas ta’ sentejn, mill-lum jerġa’ jirritorna l-programm radjofoniku dwar il-futbol Malti, li ħafna jiftakruħ bl-isem ta’ ‘Replay Ikompli’. F’dawn l-aħħar żewġ staġuni ta’ Replay, dan il-programm b’verżjoni podcast, kien twaqqaf, bit-tim ta’ Replay għażel li jikkonċentra l-enerġija tiegħu fuq affarijiet oħra fil-ħidma għall-produzzjonijiet tal-programmi u l-kontenut ta’ Replay. Madankollu, fuq talba ġenerali, u anke għaliex it-tmexxija ta’ Replay, flimkien ma’ dik ta’ Netmedia, fl-aħħar xhur ħassew l-importanza li dan il-programm jerġa’ jirritorna fl-iskeda ta’ Net FM, minn din l-iskeda ‘Replay Post-Match’ se jerġa’ jsib postu fost il-programmi ta’ diskussjoni radjofoniċi.

Il-presentazzjoni ta’ dan il-programm mhux se tibqa’ ta’ Christian Micallef, li hu l-wiċċ tal-programmi Replay, iżda din id-darba se tkun fdata lil wieħed mill-ġurnalisti u membri żgħażagħ tat-tim ta’ Replay, Jordi Farrugia. Il-produzzjoni ta’ dan il-programm tibqa’ ta’ Micallef, li hu l-producer eżekuttiv tal-kontenut u l-programmi kollha ta’ Replay, iżda b’differenza minn qabel, minn din l-iskeda dan il-podcast ta’ Replay se jkun qed jixxandar fl-istess ħin, u kull nhar ta’ Tnejn fit-8pm, kemm fuq Net FM kif ukoll fuq il-paġna ta’ Replay fuq Facebook, b’verżjoni Premiere. B’dan il-mod, dan il-programm ta’ analiżi u diskussjoni, u li hu mfittex minn ħafna minħabba l-interventi telefoniċi li jkun hemm ma’ numru ta’ uffiċjali u rappreżentanti ta’ klabbs differenti, se jkun qed jitwassal għand udjenza akbar, inkluz dik l-udjenza li forsi tippreferi l-midja soċjali mir-radju.

Sabiex issegwu l-ewwel programm ‘Replay Post-Match’ permezz tal-paġna ta’ Replay, u b’xandira Premiere, agħfas hawn u tidħol f’link apposta fejn fit-8pm tal-lejla, se tkun qed ixxandar l-ewwel diskussjoni ta’ din l-iskeda bil-presentazzjoni ta’ Jordi Farrugia.